Il-Knisja f’Għawdex, waqt li tingħaqad fis-sogħba tad-dinja Kattolika kollha għall-mewt tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, se titlob għal ruħu waqt Quddiesa ‘de Requiem’ b’suffraġju tiegħu li se tiġi ċċelebrata llum, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, fis-7.00 p.m.
Fl-assenza tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma li bħalissa jinsab fuq żjara lis-saċerdoti Għawdxin fl-Italja, din il-Quddiesa se tiġi ppreseduta minn Mons. Tarċis Camilleri, Vigarju Ġenerali.
Fl-ewwel kummenti li ta lill-midja tal-Knisja f’Malta b’reazzjoni għall-mewt tal-Papa Franġisku, l-Isqof Anton radd il-ħajr lil Alla għal dan “il-bniedem sempliċi imma kbir” li “fittex il-valuri awtentiċi tal-Vanġelu”.
L-Isqof iħoss li għandna nitolbu għall-Knisja universali biex “dan l-ispirtu ta’ Franġisku jsib fina l-Insara… akkoljenza kbira”. Awgura li dan l-ispirtu ta’ tiġdid u sens ta’ tama evanġelika li ġabilna l-Papa Franġisku jkompli fil-Knisja, “għax Kristu Rxoxt ifakkarna fit-tama ta’ kull wieħed u waħda minna”.