Malti ta’ 39 sena qiegħed jinżamm arrestat wara li lbieraħ filgħaxija aggredixxa pulizija fl-Għassa ta’ Tas-Sliema.
Il-każ seħħ meta l-pulizija kienu qegħdin jitkellmu ma’ qarib ta’ din il-persuna b’rabta ma’ rapport ta’ sewqan perikoluż. Ir-raġel ta’ 39 sena daħal fl-għassa u beda jgħolli leħnu u jħabbat mal-perspex. Minkejja t-twissijiet mill-pulizija huwa sar aggressiv fil-konfront tal-Pulizija.
Ir-raġel ma obdiex l-ordnijiet u kien hawn li mbotta pulizija mal-ħajt u sar aktar aggressiv. Huwa beda jirreżisti l-arrest, bil-konsegwenza li l-pulizija sofra ksur f’idejh u ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi, waqt li żewġ pulizija oħra sofrew ġrieħi ħfief.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti.
Infetħet ukoll inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici LL.D.