Saturday, December 14, 2024

Raġel ħati li ħebb għal sid ta’ ħanut f’argument dwar bagalja

Aqra wkoll

David James Saliba ta’ 45 sena mis-Siġġiewi nstab ħati li ħebb għal sid ta’ ħanut fil-Marsa wara li bejnithom inqala argument dwr bagalja tas-safar. Ir-raġel kien qiegħed jinsisti li kienet difettuża.

Sid il-ħanut li għandu 59 sena residenti n-Naxxar kien tressaq ukoll il-Qorti fejn kien akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-klijent. Dwar dan il-Qorti kienet qalet li hu kien il-vittma u mhux l-aggressur u għalhekk illiberatu minn kull akkuża.

Il-Prosekuzzjoni li kienet immexxija mill-Ispettur Robert Vella qalet fil-Qorti li l-każ kien seħħ fl-10 ta’ Lulju tal-2019 f’ħanut fil-Marsa. Skont dak li ie ppreżentat fil-Qorti Saliba kien ħebb għal sid il-ħanut u anke kkaġunalu ferita ħafifa, li kiser il-paċi pubblika u li kkaġuna ħsara fil-ħanut.

Fix-xhieda tiegħu sid il-ħanut qal li dakinhar hu kien fetaħ in-negozju tiegħu u daħlu l-akkużat u martu. Saliba kien beda jilmenta li l-bagalja bir-roti tqattagħtlu.

Sid il-ħanut xehed li hu kien talab lil Saliba biex jagħmel claim mal-assikurazzjoni imma l-akkużat ried li jieħu bagalja oħra. Saliba kien qallu li kien se jtella’ post fuq il-midja soċjali biex jagħmillu isem ħażin. Kien hawn li sid il-ħanut qallu li seta’ jagħmel li jrid filwaqt li l-akkużat tah daqqa fuq wiċċu bil-bagalja.

Hu kompla jixhed li kien waqa’ mal-art bl-akkużat jintefa’ fuqu fejn beda jagħtih bil-ponn. X’ħin ipprova jqum minn mal-art ix-xhud jgħid li ħass gidma f’daru u ma jafx x’ġara aktar għax intilef minn sensieh.

Xehed li mart l-akkużat biex tgħid lil żewġha biex iħallih u ma jibqax jagħtih. Sid il-ħanut qal fil-Qorti li hekk kif ġie lura f’sensieh sab il-ħanut kollu mqalleb u ftit tal-minuti wara daħal pulizija li qallu li xi ħadd kien irraport li kien aggredixxa lil xi ħadd. Hu kien qal lill-pulizija li hu kien il-vittma u ma aggredixxa lil ħadd.

Min-naħa tiegħu l-akkużat xehed li meta tqattagħtlu l-bagalja u anke nkisret waħda mir-roti kien mar il-ħanut biex ikellem lis-sid bil-kelma t-tajba.

Iżda meta kien qallu li kien se jġibu fuq il-midja soċjali dan mar għalih biex jimbuttah fejn anke kissirlu n-nuċċali. Skont Saliba sid il-ħanut gidmu f’subgħajh u jdejh, girfu f’għonqu u beda jagħtih bis-sieq. Hu ammetta li kienu ġew f’idejn iżda kulma kien qiegħed jagħmel jiddefendi lilu nnifsu.

Min-naħa tagħha mart l-akkużat qalet li kien sid il-ħanut li ħebb għal żewġha wara li kien qallu li kien se jagħmillu isem ħażin fuq il-midja soċjali.

Il-Maġistrat Astrid May Grima li semgħet il-każ qalet li l-ġrieħi li sofrew iż-żewġt irġiel jindikaw li kien l-akkużat li beda jagħti bil-ponn għax kellu jdejh minfuħin waqt li l-ġrieħi ta’ sid il-ħanut kienu kompatibbli ma’ persuna li ġiet aggredita.

Il-Qorti qalet li l-fatt li l-bagalja kienet f’idejn l-akkużat u mhux sid il-ħanut tkompli ddgħajjef it-teżi li kien sid il-ħanut li ta daqqa bil-bagalja lill-akkużat u mhux bil-maqlub.

Wara li analizzat ix-xhieda kollha, il-Qorti sabet lil Saliba ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u waqt li lliberatu bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sentejn rabtitu b’garanzija personali ta’ €2,000 għal żmien sena biex ma jimmolestax lil sid il-ħanut.

Ekonomija

Sport