Sunday, December 22, 2024

Raġel mhux ħati li qata’ widnejn il-kelb u li żammu marbut b’katina

Aqra wkoll

Albert Xiberras ta’ 52 sena mix-Xagħra Għawdex ma nstabx ħati li qata’ widnejn il-kelb tiegħu. Meta jsir hekk lill-klieb tkun tisejjaħ ‘ear cropping’ biex b’hekk il-kelb ikun jidher differenti minn oħrajn.

Ir-raġael kien akkużat mill-Ispettur Prosekutur Bernard Charles Spiteri li fit-3 ta’ Awwissu ta’ sentejn ilu, fil-ġranet, ġimgħat u anke snin qabel ġiegħel lil kelb isofri, li għamillu intervent kirurġiku biex ibiddillu d-dehra u anke li qafel lill-kelb b’katina.

L-uffiċju tal-Ħarsien tal-Annimali kienu rċivew rapport li f’bitha f’Marsalforn kien hemm kelb li kien qiegħed jinżamm f’kundizzjoni ħażina. Meta marru fuq il-post indikat sabu lill-kelb marbut b’katina ħoxna, b’widnejh maqtugħina u ammont ta’ ħġieġ imxerred mal-art.

Huma kienu tkellmu mas-sid fejn kien qalilhom li l-kelb kien sabu b’widnejh maqtugħin u mhux hu kien wettaq dan l-att. Sena wara l-istess uffiċjali reġgħu marru fuq il-post biex jagħmlu spezzjoni oħra u sabu l-kelb fl-istess sitwazzjoni.

Kien hawn li ġew informati l-pulizija u wara li saret l-investigazzjoni ressqu lir-raġel il-Qorti. Hu kien xehed fil-qorti li kien sab il-kelb barra xi 8 snin qabel u kien iżommu fil-bitħa biex ikollu l-għassa. Xehed li fejn kien seta’ jistkenn mix-xemx u xita kif ukoll li l-ħġieġ li nstab kien magħluq biż-żingu u bil-pellets. Kien qal ukoll li l-impjegat tiegħu kien rabat lill-kelb biex ma jaħrabx minħabba li jkun hemm il-bieb miftuħ.

Min-naħa tiegħu l-impjegat xehed li l-kelb ma kienx ikun marbut il-ħin kollu, iżda kien jintrabat meta l-bieb kien ikollu jitħalla miftuħ.

Il-Maġistrat Leonard Caruana qal li mill-provi u anke mix-xhieda kien jidher li l-kelb kien fi stat ta’ saħħa tajba. Dwar widnejn il-kelb il-Maġistrat qal li ma ġiex pruvat li kien l-akkużat li qatagħhomlu u għalhekk illiberah minn kull akkuża.

Ekonomija

Sport