Wednesday, December 25, 2024

Riċerka dwar in-nuqqas ta’ bilanċ fir-rappreżentanza femminili fil-Kunsilli Lokali

Aqra wkoll

Riċerka xjentifika li qed issir bħalissa għandha tidentifika l-ostakoli li qegħdin iżommu lura l-parteċipazzjoni femminili fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali u tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jiġu megħluba dawn id-diffikultajiet.

F’konferenza tal-aħbarijiet konġunta, s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalu li fl-elezzjonijiet lokali li saru aktar kmieni din is-sena, kważi 27 fil-mija biss tal-kandidati kienu nisa waqt li ġew eletti 28 fil-mija tal-kunsilliera li huma nisa.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li hi kommessa li tkompli tara aktar rapreżentanza ġusta bejn is-sessi, anki fuq bażi ta’ gvern lokali. Dan ukoll bħala twettieq tal-miżura 971 tal-Manifest Elettorali.

Hija qalet “Il-gvern se jkompli jsostni lill-Kunsilli Lokali u dan anke billi jiprovdi aktar għodda meħtieġa sabiex ikunu huma li jixprunaw il-bidla fis-soċjeta. Din ir-riċerka għaldaqstant għandha tingħaqad ma’ kullana ta’ attivitajiet oħra li qegħdin iħeġġu sabiex tiżdied aktar il-visabilità tan-nisa fil-ħajja politika għaliex verament nemmnu fil-potenzjal tal-mara f’deċiżjonijiet importanti”

Intant, Rebecca Buttigieg saħqet fuq l-importanza li jkun hemm il-perspettiva tal-mara fil-Kunsilli waqt li osservat li bħalissa hemm sitt lokalitajiet li m’għandhom l-ebda rappreżentanza femminili.
Hija qalet li s-Segretarjat Parlamentari qiegħed jimplimenta l-proposta li saret mill-kumitat tekniku li għamel evalwazzjoni preliminari dwar il-kandidatura u r-riżultat tal-elezzjonijiet lokali li saru f’Ġunju li għadda.
L-istudju li għandu jkun lest sa Settembru li ġej ser jitmexxa mill-Professur Carmen Sammut. Hija qalet li l-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru li tħaddem għall-ewwel darba fl-elezzjonijiet ġenerali tal-2022, mhux neċessarjament jista’ jitħaddem fl-elezzjonijiet lokali.

Il-Professur Sammut qalet li abbażi tar-riċerka, jistgħu jiġu identifikati metodi oħrajn biex ikun hemm bilanċ iktar xieraq fil-kunsilli lokali.

Ekonomija

Sport