Sunday, December 22, 2024

Rimonta minn Delia

Aqra wkoll


L-istorja ta’ kif lil Adrian Delia kien hemm min fil-Partit Nazzjonalista ma ridux fit-tmexxija tal-partit jafha kulħadd. Mhux xi storja antika wisq. Anzi. Storja friska li ħalliet feriti kbar fil-Partit Nazzjonalista li għadhom sal-lum inixxu d-demm. Kien pubbliku l-appell ta’ Simon Busuttil, li allura kien għadu kemm rriżenja minn Kap wara tkaxkira papali fl-Elezzjoni Ġenerali, lil Adrian Delia biex iwaqqaf il-kontestazzjoni tiegħu.

Kulħadd jiftakar ukoll l-bojkott assolut li sar lil Delia fis-suppost festi tal-Indipendenza anke jekk issa kien inħatar Kap. Imma Delia, konfortat mill-appoġġ li kellu mit-tesserati, ma riedx iwarrab. Rebaħ battalja waħda wara l-oħra, imma xorta waħda dawk li tant iwerżqu dwar demokrazija ma riedu bl-ebda mod jaċċettawh bħala Kap.

Kulħadd jaf ukoll bil-manuvri ta’ kull xorta li saru kontrih. Saħansitra marru għand il-President tar-Repubblika, dak iż-żmien Dr George Vella, biex b’xi mod ikun hu li jneħħih. Dan l-attentat falla wkoll, imma baqgħu jippersistu sakemm finalment għaddiet tagħhom u lil Delia tajruh minn Kap, biex poġġew floku lil Dr Bernard Grech.

Kulħadd jiftakar ukoll kif waqt li l-pajjiż, bħall-pajjiżi l-oħra kollha tad-dinja kien iffaċjat b’pandemija bla preċedent, il-COVID-19, il-Partit Nazzjonalista ma billx subgħa fl-ilma imbierek, ma kkontribwixxa bl-ebda mod. Kien ħsiebu biss fil-gwerra interna, imma fil-beraħ, li kienet għaddejja biex itajru lil Delia.

Mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ tal-isptarijiet ma jistax ma jingħadx li Adrian Delia daħal fiha b’ruħu u ġismu. Waħdu, waħdu. Sakemm deher li r-riħ beda jonfoħ favur tiegħu. Allura hawnhekk kien hemm min deherlu li għandu jirkeb kukkużejt u jagħmel tiegħu dak li ma kienx.

Ma tridx tkun xi għaref biex min-naħa l-oħra tinduna li Delia ra l-opportunità li juri li min tajru kien żbaljat u li l-Partit Nazzjonalista kien ikun aħjar bih bħala Kap. Fejn tidħol il-kwistjoni tal-isptarijiet Delia għamilha aktar minn ċara bil-komportament tiegħu li dik hija TIEGĦU u li Bernard Grech lanqas biss għandu jmiss magħha.

Delia beda r-rimonta biex finalment iwassal biex jivvendika dak li sar fil-konfront tiegħu b’mod mill-aktar moqżież u anti-demokratiku. Adrian Delia qed juri biċ-ċar li l-kwistjoni tal-isptarijiet hija ‘il-ħmar tiegħu u mhux lest jirkeb wara’. Kulħadd għandu għajnejh f’wiċċu.

Nuqqas ta’ sens komun

Nhar il-Ħadd li għadda, 12 ta’ Mejju, kien il-jum dedikat lill-ommijiet, Jum l-Omm. Fost il-postijiet frekwentati aktar mis-soltu f’dan il-jum hemm iċ-ċimiterji. Okkażjoni li tfisser ukoll aktar traffiku mis-soltu qrib dawn il-postijiet.

Ħaż-Żebbuġ hemm żewġ ċimiterji, dak tal-Qalb ta’ Ġesu’, fiċ-ċentru tar-raħal u dak ta’ Sant’Andrija li jinsab fuq il-periferija tar-raħal qrib iċ-Ċentru ta’ San Blas tal-CARITAS.

Xi ħadd ġietu l-idea sublimi, ma nafx min u lanqas jinteressani, li l-Ħadd li għadda filgħodu jorganizza maratona għall-kbar u għaż-żgħar eżattament fit-toroq li jiċċirkondaw dan iċ-ċimiterju. Ovvjament la tkun għaddejja attività bħalma hija maratona jridu jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex ikunu salvagwardati l-parteċipanti, kif wara kollox għandu jkun.

Biex ittieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji t-toroq kollha li jwasslu għal dan iċ-ċimiterju sfaw magħluqin għat-traffiku minn kmieni filgħodu sal-għaxra.
Wieħed jista’ jimmaġina x’pandemonju, kemm tgergir ġie kawżat. Għax ngħiduha kif inhi biex timxiha minn tarf Ħaż-Żebbuġ jew min-naħa tat-Triq tal-Plieri hemm biċċa mhux ħażin.

Iva allura l-imħuħ wara l-organizzazzjoni ta’ din il-maratona m’għaddilhomx mill-garigori ta’ moħħhom x’inkonvenjenza kienu se joħolqu proprju f’Jum l-Omm? Ma rrealizzawx kemm kien se jkun frekwentat aktar mis-soltu ċ-ċimiterju? Lanqas min ħareġ il-permessi neċessarji ma rrealizza dan?

Jum l-Omm ma kienx xi jum li kien se jkun ċċelebrat l-ewwel darba nhar il-Ħadd li għadda. Nittama li ma jkunx hawn min joħroġ jipprova jiġġustifika dan billi jgħid li minn jiem qabel kienu twaħħlu avviżi mar-rotta dwar il-maratona u l-ħinijiet li fihom kienu se jingħalqu t-toroq. Il-ġurnata magħżula ma kinetx dik ideali. Xejn iżjed u xejn inqas.

Deċiżjoni bħal dik li ssir maratona f’dan il-jum partikolari, f’dawk il-ħinijiet u f’dawk it-toroq kif ukoll li jingħataw il-permessi neċessarji u jingħalqu t-toroq kollha rriflettew biss nuqqas ta’ sens komun. Wieħed jittama li tali ħaġa ma tirrepetix ruħha s-sena li ġejja.


It-taraġ mekkanizzat tal-kumpless The Duke

Minn din il-paġna ilmentajt darbtejn dwar li taraġ mekkanizzat (escalator) fil-kumpless tal-ħwienet The Duke, Rabat Għawdex, ma kienx qed jaħdem b’detriment għall-klijenti tal-istess ħwienet.

L-ewwel darba li ktibt kien il-Ħadd, 10 ta’ Marzu, 2024 u erġajt ktibt il-Ħadd, 21 ta’ April 2024. Ħadd ma indenja ruħu, partikolarment mis-sidien tal-kumpless, jagħti raġuni għala parti minn dan it-taraġ ma kinetx qegħda tiffunzjona. Dan minkejja li tali sitwazzjoni kienet ilha għaddejja xhur.

U allura ħadt gost meta ftit tal-jiem ilu rajt lil dan l-apparat lura għan-normal. Tajjeb. Hekk sewwa u xieraq. Imma xorta waħda ngħid li kellha u għandha tingħata spjegazzjoni dwar dik is-sitwazzjoni. Aktar u aktar jekk huwa minnu li din is-sitwazzjoni kienet kawżata mill-fatt li kienet għaddejja inkjesta maġisterjali wara inċident gravi li kien hemm fil-post, eżattament f’dan it-taraġ.

Ekonomija

Sport