Id-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, li ilha għal aktar minn 35 sena tipprovdi servizzi ta’ kura u appoġġ lill-komunità anzjana, qed issirilha rinovazzjoni estensiva biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-kumdità tas-servizzi tagħha. Dan il-proġett, li jinkludi titjib infrastrutturali u modernizzazzjoni tal-faċilitajiet, qed isir b’investiment ta’ €1.5 miljun fuq tliet snin.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, żaru x-xogħlijiet avvanzati li qed isiru f’din ir-residenza. Dr Degabriele spjega kif il-proġett qed jitwettaq primarjament mill-ħaddiema tal-istess entità, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Ix-xogħlijiet jinkludu installazzjoni ta’ tagħmir ġdid għall-monitoraġġ u s-sigurtà, restawr tas-sistemi tal-ilma u d-drenaġġ, u titjib fiż-żoni komuni bħall-kappella u spazji oħra fejn ir-residenti jiltaqgħu. Dawn il-bidliet mhux biss jagħmlu l-faċilità aktar moderna iżda wkoll jwasslu għal esperjenza komda, sigura, u ta’ livell għoli għall-anzjani li jgħixu hemm.
Waqt iż-żjara tiegħu, is-Segretarju Parlamentari qal li, “Dan il-proġett ta’ restawr mhux biss qed jagħmel id-Dar tal-Mosta post aktar adattat u komdu għall-anzjani, iżda juri l-impenn ta’ dan il-Gvern biex il-faċilitajiet għall-anzjani jkomplu jitjiebu b’mod sostanzjali. L-anzjani tagħna jistħoqqilhom mhux biss servizzi eċċellenti iżda wkoll ambjent modern li jirrifletti l-valur li nagħtu lill-benesseri tagħhom.”
Dr Renzo Degabriele spjega kif diversi xogħlijiet, bħall-installazzjoni ta’ dawl ġdid, suffetti ġodda, clinics u nursing stations, u restawr ta’ spazji komuni, saru mill-ħaddiema tal-AACC stess. Huwa rringrazzja lit-tim għall-professjonalità u d-dedikazzjoni tagħhom, li wasslet għal dawn il-bidliet tant bżonjużi.
Fl-istess waqt, ġie żvelat li fil-jiem li ġejjin se jibda proġett simili fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa, b’investiment ta’ €2 miljun. Dan il-proġett se jinkludi tibdil strutturali u rinovar estensiv mar-residenza kollha, bil-għan li din id-dar tiġi modernizzata u tkun konformi mal-ogħla standards ta’ kwalità.
Dawn il-bidliet qed isiru b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Awtorità għall-Istandards tal-Anzjani (OPSA), li tassigura li kemm id-djar tal-gvern kif ukoll dawk privati jkomplu jipprovdu servizzi eċċellenti, tal-ogħla livell.