Wednesday, April 24, 2024

ROBERT ABELA… SENTEJN TA’ PROGRESS

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sentejn ta’ ħidma ma taqta’ xejn ikkaratterizzaw it-tmexxija ta’ Robert Abela bħala Prim Ministru tal-pajjiż u bħala Mexxej tal-Partit Laburista. Din il-ħidma wasslet biex fl-agħar mumenti li ddominaw dawn is-sentejn, pajjiżna bit-tmexxija ta’ Robert Abela jirnexxielu jegħleb bosta ostakli u diffikultajiet fosthom l-effetti bla preċedent li l-pandemija ġabet magħha.

Dawn wasslu biex il-pajjiż jagħmel nefqa straordinarja biex isalva eluf ta’ mpjiegi permezz tal-wage supplement tal-ħaddiema u diversi miżuri oħra li sostnew in-negozji u l-investiment f’ċirkostanzi daqshekk diffiċli. Hawn, ma nistgħux ma nirrimarkawx l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn għan-negozji biex qabel kollox l-ekonomija tagħna tibqa’ waħda reżiljenti. 

F’dawn is-sentejn ta’ tmexxija ta’ Robert Abela ddominat il-mixja ‘l quddiem fil-qasam soċjali fejn rajna żidiet kontinwi u benefiċċji ġodda li wasslu biex ħafna familji jkollhom l-opportunità li jgħixu ħajja diċenti. Wieħed ma jridx jinsa’ wkoll illi taħt it-tmexxija tiegħu, ittaffiet bil-kbir il-problema li kien hemm dwar il-kirjiet ta’ qabel l-1995 fejn instab il-bilanċ bejn l-interessi tas-sidien tad-djar u tal-inkwilini.

Ma naqsux ukoll ir-riformi fejn tidħol il-governanza tant li dawn l-istess riformi wasslu biex il-Gvern jingħata ċertifikat tajjeb mill-Kummissjoni Venezja u l-Moneyval. Jonqos biss issa li ssir il-ħidma biex pajjiżna joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.

Pajjiżna wkoll għadda minn tibdil soċjali fejn ingħataw drittijiet ġodda lil bosta minoranzi fosthom fil-qasam tal-libertajiet ċivili kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni vulnerabbli.

Sadanittant, din is-sena, pajjiżna, għaliex sovran, se jkollu l-opportunità li jagħżel it-tmexxija ta’ dan il-pajjiż għall-ħames snin li ġejjin. F’dan il-kuntest, l-2022 se tkun waħda kruċjali li fiha nistennew imġiba aħjar milli kellna s’issa mill-politiċi li finalment se jkunu qed jirrappreżentaw lill-poplu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. 

Jekk isir hekk pajjiżna jkun jista’ jaffaċċja b’aktar serenità l-isfidi tal-ġejjieni bħalma huma t-tibdil fil-klima u l-ambjent fit-totalità tiegħu. 

Sport