Saturday, April 27, 2024

Se terġa’ ssir l-ikla tal-Milied fil-Kurja għal dawk li jinsabu waħedhom

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddejjin il-preparamenti sabiex nhar il-Ħadd li ġej tittella’ l-ikla tal-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof għal dawk li jinsabu waħedhom. Caritas Malta qiegħda tistma li se jkunu qed jattendu għaliha mal-550 persuna li jinkludu dawk li jafu bihom jew kienu bbukkjaw qabel. 

Id-dettalji ta’ din l-inizjattiva ngħataw f’konferenza stampa li kienet indirizzata mill-Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Mons. Charles Cordina, id-Direttur tal-Caritas Malta Anthony Gatt u Julian Sammut mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi. 

Intqal li din l-ikla ilha ssir mill-2015, però fis-sentejn tal-pandemija ma saritx fil-Kurja. Minkejja dan, intlaħqu xorta waħda dawk in-nies li jinsabu waħedhom jew li jistgħu jkunu għaddejjin minn xi diffikultajiet, dan billi tqassam l-ikel fid-djar u nfetħu wkoll helplines.

YouTube video

Sadanittant, id-Direttur tal-Caritas spjega li minbarra l-ikla tal-Milied fil-Kurja, se jkun hemm mat-300 persuna li se jitwasslilhom l-ikel id-dar tagħhom, anke b’kollaborazzjoni mal-parroċċi. 

Huwa semma wkoll kif se jintlaħqu 200 persuna oħra li għalkemm għandhom mezzi biex jagħmlu l-ikla, se jkunu waħedhom fid-djar u ma jistgħux joħorġu. Għaldaqstant, il-voluntiera tal-Caritas se jkunu qegħdin imorru f’dawn ir-residenzi u jwasslulhom rigal żgħir. 

Id-Direttur tal-Caritas żied jgħid li l-parti l-kbira ta’ dawk li se jmorru l-Kurja għall-ikla tal-Milied huma nies li jgħixu waħedhom. Meta mistoqsi dwar is-solitudni, huwa qal li sfortunatament din hija realtà li qiegħda tolqot lis-soċjetà tagħna bħalissa. 

“Studju tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà wera li mal-54% tal-Maltin ġieli esperjenzaw is-solitudni fil-ħajja tagħhom. Għaldaqstant irridu nkomplu nirrispondu għal din ir-realtà.” 

Is-Sur Gatt qal ukoll li wara li tgħaddi l-ikla, ikomplu jitkellmu ma’ dawn il-persuni biex jifhmu aħjar is-sitwazzjoni tagħhom kif inhi u jaraw kif jistgħu jwieżnu dik it-tbatija.

Min-naħa tiegħu, Julian Sammut mill-Fondazzjoni Alfred Mizzi qal li huwa ta’ privileġġ għalihom li kull sena jlestu dawn l-ikliet kollha u jaraw il-ferħ fuq wiċċ dawk li jinsabu waħedhom. Filwaqt li radd ħajr lill-kollegi tiegħu tal-ħidma tagħhom, Sammut ħabbar li fil-bidu tas-sena d-dieħla se jitwaqqaf soup kitchen ieħor, f’Tal-Virtù.

Sport