Żagħżugħ ta’ 22 sena minn Bormla ngħata sentenza sospiża għax instab ħati li mbotta raġel li kien fis-sakra.
L-inċident kien seħħ sentejn ilu f’parkeġġ fir-Rabat Malta. Fil-Qorti ntqal li l-vittma kien fis-sakar u beda jdejjaq lill-akkużat. Min-naħa tiegħu l-akkużat imbuttah bil-konsegwenza li l-vittma waqa’ għal dahru, ħabat rasu u ntilef minn sensih. Hu kien iddaħħal l-isptar fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt tant li anke għamel xi żmien intubat.
L-akkużat waqt ix-xhieda li ta fil-proċeduri qal li kien qiegħed jiekol il-pastizzi ma’ sħabu waqt li l-vittma kien qiegħed jitlajja fil-parkeġġ. Qal li dan hu raġel anzjan li kien fis-sakra u bdew jdejjaq lilu u anke lil sħabu.
Hu kompla jixhed li l-vittma daħal jixtri l-pastizzi u wara li ħareġ nizzel il-qalziet u għal il-bżonnijiet tiegħu fil-parkeġġ. Skont ix-xhud, wara mar ħdejhom u beda jgħid li ma jibża’ minn ħadd. Kien hawn li l-akkużat qallu biex iħallihom bi kwiethom tant li ressqu fuq bank ieħor. Iżda dejjem skont il-vittma, l-anzjan baqa’ jdejjaqhom u anke prova jeħdilhom il-pastizzi.
Fix-xhieda tiegħu l-akkużat qal li l-vittma beda jisfidah u baqa’ jersaq lejn u anke pprova jmisslu wiċċu. Sostna li huwa aġixxa biex jiddefendi ruħu u xħin mar biex imissu, imbottah biex jersaq ‘l hemm. L-akkużat kompla jgħid li l-vittma għamel tliet passi lura u kien hemm bankina u waqa’. Qal li dak il-ħin ippannikja u hu u sħabu telqu ‘l hemm.
Minkejja li quddiem il-Qorti sħabu xehdu kważi l-istess bħall-akkużat, ix-xhieda tagħhom ġiet imxejna minn żewġt irġiel oħra li kienu fuq il-post.
Raġel li kien fuq il-post xehed li sema lill-akkużat joffendi lill-vittma u kien hawn li qam uu mbottah. Xhud ieħor qal li wkoll sena lill-akkużat joffendi lill-anzjan tant li ma rax lill-vittma jagħmel xi ħaġa ħażina jew joffendi lil xi ħadd. Qal li l-vittma kien jidher li ma kienx jaf x’qed jagħmel u ma kienx f’siktu.
Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li x-xhieda taż-żewġ irġiel li kienu fuq il-post kienet konsisteni u tikkontradixxi l-verżjoni tal-ħbieb tal-imputat u tal-imputat innifsu. Qalet ukoll li x-xhieda tagħhom taqbel mal-filmati li juru eżatt x’ġara waqt dan l-inċident.
Il-Maġistrat qalet li għalkemm ma għandux awdjo, il-vittma jidher jersaq lejn l-imputat iżda ma kienx aggressiv. Qalet li kuntrarjament għal dak li stqarr l-imputat il-filmat jeskludi li l-vittma prova jmisslu wiċċu jew li mar wiċċ imb wiċċ miegħu. Spjegat li l-vittma lanqas kien laħaq wasal min-naħa l-oħra tal-bank fejn kien bilqiegħda l-imputat, li l-imputat niżel bil-herra minn fuq il-bank, mexa b’rankatura lejn il-vittma u mbuttah b’idu t-tnejn b’konsegwenza li l-vittma waqa’ għal dahru.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li l-aġir tal-imputat ma jistax jitqies li kien proporzjonat għall-periklu li kellu. Qalet li mhux tgħid li l-imputat messu baqa’ bilqiegħda u jħalli l-vittma jdejqu, iżda sostniet li, wieħed irid iżomm f’moħħu li huwa pprovat li l-imputat beda jgħajjat miegħu biex ikeċċih u joffendih. Qalet li l-vittma beda riesaq lejh biex jistaqsih għala kien qed joffendih u mhux biex jaggredih. Qalet li dan ifisser li l-imputat kien li provaka għar-reazzjoni tal-vittma.
Għalhekk il-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi u li weġġa’ gravi lill-anzjan. Hu ġie kkundannat 16-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għal tliet snin u ordni ta’ trattament għall-ħati. Huwa ġie ordnat iħallas €2,740 fi spejjeż tal-Qorti.