It-teknoloġija bidlet ħajjitna b’mod li ftit konna nimmaġinaw għaxar jew għoxrin sena ilu. Illum nikkomunikaw, naħdmu, nitgħallmu u nirċievu l-aħbarijiet permezz ta’ mezzi diġitali. Is-social media m’għadhiex sempliċement spazju fejn naqsmu ritratt jew nitkellmu mal-ħbieb; saret parti integrali mill-mod kif taħdem is-soċjetà tagħna.
Dan il-progress ġab opportunitajiet kbar, iżda ġab ukoll responsabbiltajiet u sfidi ġodda. Għalhekk wasal iż-żmien li f’Malta jkollna diskussjoni aktar konkreta dwar Online Safety, Digital Responsibility, il-protezzjoni tat-tfal u l-użu responsabbli tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Din mhijiex diskussjoni kontra t-teknoloġija jew kontra s-social media, u żgur m’għandhiex tkun skuża għaċ-ċensura. Għandha tkun diskussjoni dwar kif nipproteġu lill-persuna mingħajr ma nrażżnu l-libertà tal-espressjoni u l-innovazzjoni.
It-tfal għandhom ikunu prijorità
Waħda mill-akbar sfidi hija l-preżenza tat-tfal fuq is-social media. Jekk pjattaforma tgħid li persuna trid tkun ta’ ċerta età biex tiftaħ account, irridu nistaqsu mistoqsija sempliċi: kif nafu li dik il-persuna verament għandha dik l-età?
Illum huwa faċli ħafna għal minorenni li jdaħħal data tat-twelid differenti. Għalhekk minimum age mingħajr sistema effettiva ta’ age assurance ftit li xejn għandha valur prattiku.
Pajjiżi differenti qed ifittxu soluzzjonijiet. L-Awstralja għażlet mudell fejn ċerti pjattaformi għandhom jieħdu passi raġonevoli biex persuni taħt is-16-il sena ma jkollhomx accounts. Fl-Ewropa qed jiġi żviluppat il-kunċett importanti ta’ privacy-preserving age verification.
Dan jista’ jkun importanti ħafna għal Malta. Permezz tal-European Digital Identity Wallet u soluzzjonijiet oħra ċċertifikati, nistgħu nesploraw sistema fejn pjattaforma tirċievi konferma li persuna għandha aktar mill-età meħtieġa mingħajr ma tirċievi isimha, in-numru tal-ID, l-indirizz jew id-data eżatta tat-twelid tagħha.
Il-prinċipju għandu jkun ċar: nivverifikaw l-età mingħajr ma nesponu bla bżonn l-identità.
Fake Profiles u d-Digital Wallet
L-istess teknoloġija tista’ tiftaħ opportunità biex nindirizzaw problema oħra li qed tikber — il-fake profiles.
Nistgħu nesploraw sistema fejn, meta jinħoloq account, il-pjattaforma tkun tista’ tikkonferma li warajh hemm persuna reali u verifikata, mingħajr ma dik il-persuna jkollha għalfejn turi pubblikament l-identità tagħha.
Persuna xorta tkun tista’ tuża username jew pseudonym, iżda l-account ikun jista’ jiġi identifikat bħala Verified Account. Dan jista’ jagħmilha aktar diffiċli biex jinħolqu numru kbir ta’ profili foloz bil-għan li jsir cyberbullying, frodi, impersonation jew abbuż.
Hawnhekk ukoll irridu nsibu l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-privatezza. Il-prinċipju jista’ jkun wieħed sempliċi:
Verify the Human – Protect the Identity.
L-AI qed toħloq realtajiet ġodda
Ma nistgħux nitkellmu dwar online safety mingħajr ma nitkellmu dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Illum l-AI tista’ toħloq vuċi ta’ persuna reali, ritratt falz jew filmat fejn persuna tidher tgħid xi ħaġa li qatt ma qalet. Din it-teknoloġija għandha potenzjal enormi għall-edukazzjoni, il-kreattività u l-ekonomija, iżda tista’ tintuża wkoll għal frodi, impersonation, harassment, blackmail u ħsara lir-reputazzjoni.
Il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tagħna għalhekk iridu jkomplu jevolvu biex jagħrfu d-differenza bejn użu leġittimu tal-AI u abbuż intenzjonat.
Fl-istess ħin qed naraw cyberbullying, cyberstalking, doxxing, serq tal-identità u fake profiles. U meta persuna tispiċċa vittma tqum mistoqsija importanti ħafna: fejn għandha tmur?
Għand il-Pulizija? L-MCA? L-IDPC? Il-pjattaforma? Avukat?
Iċ-ċittadin m’għandux għalfejn ikun espert fil-liġi diġitali biex ikun jaf min għandu l-kompetenza fuq il-każ tiegħu.
One Front Door for the Citizen
Għalhekk nemmen li għandna niddiskutu bis-serjetà l-ħolqien ta’ Commissioner for Online Safety and Digital Ethics, li jkun jista’ jservi bħala punt wieħed ta’ riferiment għaċ-ċittadin.
Dan ma jfissirx li noħolqu istituzzjoni li tieħu post il-Pulizija, l-MCA jew l-IDPC. Dawn għandhom jibqgħu jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Iżda ċ-ċittadin ikollu post ċar fejn jagħmel l-ewwel rapport u minn hemm il-każ jiġi indirizzat lejn l-awtorità kompetenti.
Il-prinċipju huwa sempliċi: One Front Door for the Citizen.
Libertà flimkien mar-responsabbiltà
F’dan kollu rridu niddefendu b’mod ċar il-libertà tal-espressjoni. Kritika politika, ġurnaliżmu investigattiv, opinjonijiet differenti, satira u parodija leġittima għandhom jibqgħu protetti.
Iżda l-libertà tal-espressjoni ma tistax tintuża bħala skuża għal theddid, stalking, frodi, serq tal-identità, doxxing, cyberbullying jew deepfakes malizzjużi.
Għalhekk għandna bżonn qafas modern li jħares lejn il-protezzjoni tat-tfal, l-age assurance, il-privatezza, l-AI, il-fake profiles, id-deepfakes u r-responsabbiltà tal-pjattaformi, filwaqt li nkomplu nħarsu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadin.
It-teknoloġija u l-AI se jkomplu javvanzaw, u magħhom irridu navvanzaw ukoll aħna bħala soċjetà. L-għan mhuwiex li nwaqqfu l-progress, iżda li nagħmluh aktar sigur, aktar responsabbli u aktar uman.
Irridu nipproteġu lit-tfal, inħarsu l-privatezza u l-libertà tal-espressjoni, filwaqt li min jabbuża mid-dinja diġitali jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.
Il-progress irid jimxi id f’id mar-responsabbiltà.
