Sunday, November 24, 2024

‘SOPRATAXXA’ LI SE TAFFETTWA B’MOD NEGATTIV LILL-KONSUMATURI

Aqra wkoll

Pajjiżna flimkien ma’ pajjiżi oħra madwar id-dinja fosthom dawk fl-Ewropa ilu għal dawn l-aħħar 14-il xahar jesperejnza inflazzjoni li dejjem kienet qiegħda tiżdied. L-inflazzjoni ħadet rankaturi ‘lfuq bil-kunflitt fl-Ukrajna.  Minkejja li l-inflazzjoni battiet, għalkemm għadha ma marritx lura għal livelli aċċettabbli, fl-aħħar ġimgħat rajna sitwazzjonijiet ġodda li jistgħu jwasslu biex jiżdiedu l-piżijiet fuq il-konsumaturi u li anke jistgħu jwasslu għal żieda fl-inflazzjoni. Fost dawn hemm il-kunflitt fil-lvant nofsani u tħassib li dan jista jinfirex.

Proprju fl-aħħar jiem żviluppat sitwazzjoni oħra li se jkollha impatt mhux żgħir. Din hi dik tal-iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għas-settur marittimu. Il-mod kif se tiżdied l-ispiża għal bastimenti minħabba l-emissjonijiet, se twassal biex il-kumpaniji tal-bastimenti se jkunu qegħdin jintroduċi soprataxxa.  Din għalkemm se titħallas mill-importaturi, finalment se tkun qiegħda tgħaddi għand il-konsumaturi.

It-tibdil  li sar fl-iskema tal-Unjoni Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet. Din l-iskema issa se tiġi estiża biex tkopri l-emissjonijiet tad-Diossidu tal-Karbonju (CO 2) mill-bastimenti l-kbar kollha – minn 5000 tunnellaġġ gross u aktar, li jidħlu fil-portijiet tal-Unjoni Ewropea, irrispettivament mill-bandiera li jtajru. 

Prattikament portijeit Ewropej fil-Greċja, Spanja, l-Italja u Malta mistennija jintlaqtu b’mod negattiv ħafna bit-tibdil li sar fl-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet.  Mhux biss se jiżdiedu l-ispejjeż marbutin mal-emissjonijiet, għax issa l-bastimenti jridu jħallsu għall-emissjonijiet, imma se tiġi affettwata l-konnettività u din twassal għal dewmien biex jaslu l-prodotti u f’xi każi anke spejjeż żejda.

Ma nistgħux ma nikkummentawx fuq il-fatt li fost dawk li kienu involuti fit-tibdil fl-iskema tar-regolamenti  kien hemm il-membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa li kien ir-rapporteur fuq din id-direttiva. Ovvjament quddiem it-tħassib kbir fost l-operaturi marittimi lokali, wieħed ma jistax ma jistaqsix x’konsultazzjoni saret mill-membru Parlamentari Ewropew David Casa mal-operaturi marittimi Maltin waqt li kienet qed titħejja id-direttiva.

Meta għadna qegħdin niffaċċjaw l-isfida ta’ l-inflazzjoni, b’theddid ġdid minħabba kunflitt ġodda, wieħed ma jistax ma jistaqsix lill-Parlamentari Ewropew Nazzjonalsita David Casa u anke l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola,  dwar x’inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar l-effett negattiv li din l-iskema se jkollha fuq l-operaturi marittimi. Ma nistgħux ma nistaqsuhomx x’inhi l-pożizzjoni tagħha dwar soprataxxa li qed titħejja li tiddaħħal u li din se jispiċċaw jerfgħuha l-konsumaturi.  Ma nistgħux ma nistaqsuhomx x’inhi l-pożizzjoni dwar l-effett negattiv li din l-iskema se jkollha fuq l-esportazzjoni ta’ pajjiżna u fuq il-konnettività ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħra.

Ma nistgħux ma nistaqsux dwar x’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista dwar din l-iskema u l-effetti negattivi tagħha fuq kumpaniji u operaturi f’pajjiżna.  Quddiem l-effett negattiv li din l-iskema mistennija jkollha fosthom fuq il-konsumaturi, mhux ġustifikabbli li jinżamm is-skiet fuq dan il-każ jew li jipprova jitnessa mill-Partit Nazzjonalista. Fuq kollox ir-rapporteur ta’ din id-direttiva ma kien ħadd ħlief id-Deputat tal-Parlament Ewropew David Casa. Nistennew spjegazzjoni ċara, dwar fejn jinsabu tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward ta’ din id-direttiva. 

Sport