Wednesday, April 22, 2026

Studenti jingħataw l-opportunità jsemmu binja ġdida ta’ respite f’Ħal Kirkop

Aqra wkoll

Studenti tal-għaxar sena mill-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja Pawl Saydon f’Ħal Kirkop, ħadu sehem f’sessjoni interattiva dwar is-settur tad-diżabilità f’pajjiżna, fejn ingħataw l-opportunità mhux biss jesprimu l-ħsibijiet u l-ideat tagħhom dwar l-inklużjoni u s-servizzi għall-persuni b’diżabilità. Imma wkoll ikunu parti mill-proċess tal-għażla tal-isem tal-proġett li ser jinfetaħ dalwaqt fl-istess raħal.

Il-Ministru għall-Inklużjoni l-Volontarjat Julia Farrugia spjegat kif il-proġett jinvolvi investiment ta’ €1.4 miljun u jinkludi binja ġdida fil-komunità ta’ Ħal Kirkop. Din il-faċilità se toffri:

  • Servizzi ta’ respite temporanju li jistgħu jakkomodaw sa 12-il persuna fl-istess ħin;
  • Servizzi tranżitorji li jappoġġjaw persuni b’diżabilità biex jiżviluppaw ħiliet ta’ għajxien indipendenti;
  • Programmi individwali bbażati fuq assessjar professjonali dettaljat mill-Aġenzija Sapport.

Is-servizz ser jitmexxa b’kollaborazzjoni ma’ għaqda volontarja u se jkunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ “active support”, sabiex jiġi żgurat li l-persuni b’diżabilità jkunu involuti b’mod attiv fil-ħajja ta’ kuljum u jilħqu l-ogħla livell possibbli ta’ indipendenza.

Barra minn hekk, tim multidixxiplinari ta’ professjonisti se jissorvelja l-progress tal-individwi, sabiex jiġi żgurat li kull persuna tilħaq il-miri tagħha skont il-pjan individwali, f’konformità mal-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD), li tippromwovi l-inklużjoni fil-komunità u d-deistituzzjonalizzazzjoni.

Matul l-attività, l-istudenti kellhom ukoll l-opportunità jipproponu ismijiet possibbli għal din il-faċilità ġdida, bħala parti minn inizjattiva li tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ fid-deċiżjonijiet li jolqtu l-komunità tagħhom.

Amber Marie Fenech studenta tal-għaxar sena mill-Iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop, qalet: “Flimkien ma’ sħabi kellna opportunità sabiħa li, bħala parti mill-komunità tagħna, nagħtu l-kontribut tagħna fl-għażla tal-isem għal din ir-respite home ġdida. Din kienet esperjenza li tassew għamlitna nħossuna involuti u mismugħa.”

Min-naħa tiegħu, Declan Vella qal: “Illum ġejna nitkellmu dwar xi tfisser għalina l-inklużjoni, speċjalment fid-dawl tal-ftuħ ta’ din ir-respite ġdida hawnhekk f’Ħal Kirkop. Dan huwa pass importanti ħafna, partikolarment għan-naħa t’isfel ta’ Malta, u juri kif soċjetà inklużiva tibda billi nagħtu spazju lil kulħadd.”

Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop, Matthew Agius Zammit.

Il-Ministru Farrugia esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal-livell ta’ għarfien u sensibilità li wrew l-istudenti dwar l-inklużjoni, u saħqet li dan il-proġett huwa ta’ importanza kbira għan-nofsinhar ta’ Malta. Hija enfasizzat li, permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, flimkien mal-edukazzjoni, qed jissaħħaħ aktar l-għarfien dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

Hija spjegat kif, “Dan il-proġett f’Ħal Kirkop huwa investiment konkret fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. Qegħdin nibnu servizzi li mhux biss joffru appoġġ temporanju, iżda li jsaħħu l-indipendenza u d-dinjità ta’ kull individwu. Billi ninvolvu liż-żgħażagħ f’dawn l-inizjattivi, qed nibagħtu messaġġ ċar li soċjetà inklużiva tinbena flimkien, b’vuċi għal kulħadd.”

Matul is-sessjoni, Maria Cynthia Debono, direttur fi ħdan Aġenzija Sapport, ippreżentat informazzjoni dwar id-diversi servizzi offruti lill-persuni b’diżabilità, filwaqt li l-istudenti pparteċipaw f’diskussjoni attiva dwar l-importanza tal-inklużjoni fis-soċjetà.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport