Friday, April 19, 2024

TFAL JITKARRBU GĦAL DAK LI AĦNA FORSI MA NAPPREZZAWX BIŻŻEJJED?

Aqra wkoll

Ħafna drabi nsibuha faċli li nitkellmu dwar l-edukazzjoni bħala waħda miċ-ċwievet biex niftħu l-bibien fi stadji differenti matul il-ħajja tagħna u nkomplu navvanzaw fl-iskaluni tal-istratifikazzjoni soċjali. Nitkellmu dwar l-edukazzjoni mingħajr ma forsi napprezzaw kemm aħna vantaġġjati li bħala pajjiż, f’Malta l-iskejjel baqgħu għaddejjin quddiem sfidi kbar bħalma kienu l-pandemija li rat diversi pajjiżi li jiddeċiedu mod ieħor.

F’pajjiżna qiegħed isir investiment bla preċedent f’dan is-settur u bid-dħul ta’ għadd ta’ riformi kif ukoll miżuri li minnhom qed jibbenefikaw mhux biss l-istudenti u l-familji tagħhom, imma anke l-edukaturi tal-pajjiż.

Minbarra għajnuniet bla preċedent biex kemm jista’ jkun l-istudenti f’pajjiżna jkollhom opportunitajiet indaqs fejn jidħlu r-riżorsi, il-gvern jidher li qiegħed jagħraf il-bżonn li joffri alternattiva. Xhieda ta’ dan huwa l-programm tal-Alternative Learning Program (ALP) li qiegħed jara li l-istudenti jiksbu ħiliet li eventwalment jgħinuhom fil-ħajja tagħhom. Dawn l-istudenti f’dan il-programm qegħdin jibqgħu fl-iskola sekondarja tal-kulleġġ tagħhom anke minħabba li skont analiżi li saret irriżulta li dawn huma l-iktar f’riskju li jitilqu mill-iskola kmieni.

Minbarra l-investiment fl-infrastruttura, studenti Maltin u Għawdxin qegħdin jaraw titjib kontinwu b’żieda ta’ inċentivi bħalma huwa trasport b’xejn, eżamijiet mingħajr miżati, lezzjonijiet privati bla ħlas lil dawk li jeħlu f’ċertu stadji waqt li jimmiraw li jitilgħu minn livell għal ieħor, żieda fl-istipendji biex huma jkunu jistgħu jiffukaw fuq l-istudju u anke opportunitajiet ta’ xogħol relatat mal-istess studju biex huma jibdew jieħdu l-fil ta’ fejn sejrin bil-karriera tagħhom.

Fl-aħħar mill-aħħar x’inhu r-riżultat? Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fl-aħħar kwart tas-sena li għaddiet kien hemm 34.7 fil-mija ta’ dawk fid-dinja tax-xogħol li kellhom livell ta’ edukazzjoni terzjarja, 38.3 fil-mija li kellhom livell ta’ post sekondarju għal total ta’ 73 fil-mija. B’hekk minn fost dawk kollha fid-dinja tax-xogħol fl-istess perjodu kien hemm 27 fil-mija li kellhom livell ta’ sekondarja jew inqas u hawnhekk hemm bżonn sforz ikbar biex dawn isibu l-ispalla li hemm bżonn biex kemm jista’ jkun minn fost it-tfal li tilgħin, ikollna ammont ikbar li jagħmlu dak l-isforz biex jibqgħu tilgħin imqar skaluna oħra.

Min-naħa l-oħra għandek pajjiżi li bejn gwerer u sitwazzjonijiet ta’ traġedji qegħdin jitkarrbu għal dak li pajjiżna s’issa jinsab fi stat li joffri liċ-ċkejknin sa minn età żgħira biex ikompli jsaħħaħ il-ġenerazzjoni ta’ għada. Fl-aħħar xhur irrappurtajna minn strasburgu l-esperjenzi ta’ uffiċjali għolja fl-Ukrajna li waqt li kienu qegħdin jiġu ppreżentati bil-premju Sakharov fil-Parlament Ewropew tkellmu dwar kif studenti qegħdin ikollhom jitgħallmu l-Ukren bis-serqa f’territorji li nħakmu mir-Russi u li l-konsegwenzi għalihom jekk jinqabdu xejn mhuma sbieħ.

Issa, fost l-aktar riċenti, l-ambaxxatriċi Maltija fit-Turkija qalet kif il-maġġoranza tat-tfal wara perjodu daqstant iebes ta’ pandemija, spiċċaw mingħajr post fejn jitgħallmu minħabba t-terremoti li raw binjiet sħaħ iċedu. Dawk il-ftit li qegħdin jingħataw xi tip ta’ edukazzjoni qegħdin jeħduha minn taħt tined temporanji fejn filwaqt li aħna forsi nissuppervjaw jekk jieqaf jaħdmilna l-laptop jew xi apparat ieħor għal xi sigħat, dawn joħolmu li jkollhom siġġu u mejda bħala studenti.

Nemmnu li dan kollu għandu jgħinna mhux biss naprezzaw aktar dak li għandna f’pajjiżna, iżda jixgħel bozza biex kemm il-ġenituri kif ukoll l-awtoritajiet jisimgħu t-talbiet ġustifikati tal-edukaturi tagħna li mingħajrhom mhux biss ma nkunux nistgħu nżommu l-pass li qbadna, iżda jkollna sistema li tibda tikkrolla u minflok ikollna aktar studenti fl-istituzzjonijiet tagħna, ikollna żieda f’dawk li jħallu l-iskola kmieni.

Sport