Mariah Vella, studenta ta’ erbatax -il sena hija l-vuċi l-ġdida tal-istazzjon Radio 105 li jxandar minn Daniel’s Mall fil-Ħamrun. Għalkemm għadha ta’ eta’ tenera, Mariah diġà kellha esperjenza fil-passat fil-qasam tal-media f’Malta. Wara li ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet teatrali u televiżivi bħal Iċ-Ċaqqufa, Żernieq, Il-President, Dell Minsi, Fid-Dell tal-Forka, Il-Mixja u Inkwiet fil-Kerrejja u anki f’avviżi pubbliċitarji fuq skala nazzjonali, issa waslet għaliha wkoll l-opportunita’ li tippreżenta l-ewwel programm radjonfoniku mużikali tagħha. Dan huwa “Mariah On Radio 105” li jixxandar kull nhar ta’ Ħamis fis-7pm fuq l-istazzjon Radio 105.
Il-programm hu indirizzat l-aktar lejn udjenza żagħżugħa u mhux biss jinkludi diski popolari iżda anki informazzjoni interessanti u kurżitajiet li tiġbor Mariah għas-semmiegħa tagħha. “Verament inħossni kuntenta li ngħatajt din l-opportunita’ li nkun parti mill-familja ta’ Radio 105. Ix-xandir, iż-żfin u l-palk minn dejjem kienu għal qalbi u qiegħed inħares il-quddiem għal din l-esperjenza ġdida wkoll. Nirringrazzja lil Manuel Chircop, Station Manager tal-istazzjon u lil sħabu tal-opportunita’ u talli emmnu fiha. Il-programm huwa wkoll riżultat ta’ ġimgħat ta’ taħriġ anki ma’ Manuel mhux biss f’dik li hi preżentazzjoni iżda anki fit-teknika u fl-użu tal-apparat,” sostniet Mariah Vella.
Mariah qaltilna li l-mużika għaliha hija wkoll passjoni għax hi fil-ħin liberu tagħha mhux biss tisma d-diski iżda anki tfittex u tirriċerka dwar kantanti u stili differenti ta’ mużika.
Dan jiġi riflessi anki fl-għażla mużikali tagħha. “Bħala kantanti nisma diversi, il-favorit tiegħi huwa Eminem għax jispirani minħabba li allavolja kellu trobbija diffiċli mmens xorta rnexxilu jikseb suċċess. Kantant ieħor li vera għandi ammirazzjoni kbira lejh huwa Shaun Farrugia. Dan għax hu Malti bħalna, għandu talent kbir u qiegħed jagħmel isem għal pajjiżna anki barra minn xtutna. Dan barra li l-istil tiegħu huwa wieħed li jinżel tajjeb miegħi u ma’ dawk tal-ġenerazzjoni tiegħi,” qalet Mariah.
Min naħħa tiegħu Manuel Chircop tenna li Radio 105 dejjem kien assoċjat ma’ programmi ta’ kwalita’ u li jkunu ndirizzati għal gosti ta’ kulħadd. “Meta avviċinatni Mariah għall-ewwel darba u nfurmatni li xtaqet tibda esperjenza fix-xandir ma stajtx ngħidilha le għax fakkritni fiha nnifsi meta kont se nibda l-istess pass fis-snin disgħin. Madankollu kont konxju mill-eta’ tagħha u għalhekk fthimna li tagħmel numru ta’ ġimgħat ta’ taħriġ magħna u nerġgħu nitkellmu dwar opportunitajiet fil-futur.
Meta dan l-aħħar rajt il-progress u l-entużjażmu tagħha ma stajtx ma neħux il-pass u noffrilha programm ta’ kull ġimgħa mill-iskeda tas-Sajf stess. Nemmen ukoll li l-istil tal-mużika preferut minnha, it-talent u l-eta’ tenera tagħha tikkumplimenta dak li diġà qiegħed joffri dan l-istazzjon permezz ta’ preżentaturi oħra ddedikati u leali li għandna,” tenna Manuel Chircop.
Finalment Chircop semma li attwalment l-istazzjon qiegħed jaħdem fuq diversi inizjattivi oħra anki għax-xhur li ġejjin u li għandhom anki għan edukattiv. Iżda dwar dan se jingħata aktar informazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.