Tħassib minn importaturi… qegħdin jistennew żieda fil-prezzijiet tal-ikel fIx-xhur li ġejjin

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

…ċanga u laħam ieħor, qamħirrum u ċereali, mistennija jogħlew b’mod sostanzjali

…żidiet moderati mistennijin fil-ħxejjex, u frott

“L-aħħar indikazzjonijiet li qegħdin ningħataw minn kumpaniji barranin hu li fix-xhur li ġejjin, se naraw żidiet mhux żgħar fil-prezzijiet ta’ ċerti prodotti tal-ikel. Qegħdin nitkellmu fuq żidiet li aktar jolqtuna lejn l-bidu tas-sena d-dieħla. Hemm kumpaniji li diġa bdew jaġġustaw il-prezzijiet. Qiegħed nitkellem għax spiss il-konsumaturi jwaħħlu fl-importatur, imma ftit jirrealizzaw li l-pressjoni ġejja minn barra. 

Dan biex ma nsemmix l-ispiża tat-trasport. M’hemmx fattur wieħed, għaliex  prodotti tal-ikel se jogħlew. Il-prodotti jvarjaw minn laħam – li mistenni jogħla minħabba deċizjoni Ewropea, qamħirrum minħabba n-nixfiet u effetti oħra tal-klima flimkien ma’ żidiet fil-prezzijiet ta’ ħxejjex u frott. Ma’ dawn għandek il-kwistjoni tal-fertilizzanti, li minħabba t-tensjoni fil-Golf Għarbi ġew affettwati l-provvisti għall-bdiewa u mistenni jkun hemm tnaqqis fil-produzzjoni.  Problema li qiegħda taffettwa ħafna hi l-enerġija u din taffettwa d-distribuzzjoni”.

L-istess importatur qalilna li hemm kumpaniji tal-ikel li qegħdin jitkellmu fuq żieda fil-prezzijiet. Jekk nieħdu l-kumpanija Mondelēz, li din timmanifattura għadd ta’ prodotti taċ-ċikkulata, galletti u ħlewwiet, naraw li dawn  qed jgħollu l-prezzijiet, speċjalment fuq iċ-ċikkulata. Huma qegħdin jużaw iż-żidiet t fil-prezz biex jikkumpensaw għall-ispejjeż għoljin tal-Kawkaw.

Pressjoni għal żidiet fil-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa

Jgħidilna li “minn dak li kien qiegħed jasal għandna fl-aħaħr nies qegħdin niġu hemm infurmati li hemm pressjonijiet għal żidiet fil-prezzijiet tal-Ikel fl-Ewropa u dan se jwassal biex fix-xhur li ġejjin, possibilment fil-bidu tas-sena 2027, naraw żieda fil-prezzijiet tal-ikel.  Hemm diversi fatturi li qegħdin iwasslu għal din il-pressjoni fosthom hemm l-enerħija u t-trasport. 

Il-prezzijiet tal-enerġija żdiedu sew, u dan jgħolli l-ispejjeż tal-importazzjoni, ħażna u distribuzzjoni. Jekk nieħdu l-materja prima naraw li l-prezzijiet taċ-ċereali żdiedu f’Lulju tas-sena 2026. Illum l-prezzijiet globali taċ-ċereali huma ma dwar 7 fil-mija ogħla minn sena qabel. Għandek il-kwistjoni marbuta mal-importazzjoni ta’ prodotti tal-ikel lejn l-Ewropea fejn qegħdin naraw li l-valur tal-importazzjoni agrikola żdied b’9 fil-mija, prinċipalment minħabba żieda fil-prezzijiet, speċjalment tal-Kawkaw u l-Kafè.”

Jenfasizza li “ma’ dawn imbagaħd hemmm il-kundizzjonijiet klimatiċi.  Is-sħana, nirien u nixfiet li laqtu għadd ta’ żoni fl-ewropa qegħdin inaqqsu u jaffettwa b’mod negattiv ħafna il-produzzjoni agrikola Ewropea, inkluż il-qamħirrum. Jekk nieħdu l-laħam,  naraw li proprja minn din il-ġimgħa stess, l-Unjoni Ewropea issospendiet l-importazzjonijiet tal-laħam mill-Brażil minħabba kwistjonijiet ta’ konformità mar-regoli Ewropej. Dan  qegħdin nistennew li se jkollu effetti negattiv għax se joħloq pressjoni fuq il-prezzijiet ta’ ċerti tipi ta’ laħam.”

It-tensjoni fil-Golf Għarbi u r-restrizzjonijiet fl-Istrett ta’ Hormuż qegħdin jaffettwaw

L-importatur jgħidilna li “hemm imbagħad it-tensjoni fil-Golf Għarbi. Dak li ġara u għadu qed jiġri fl-Istrett ta’ Hormuż qed jinħass l-effett tiegħu.  “Hu ċar ħafna li r-restrizzjonijiet li kien hemm fl-Istrett ta’ Hormuż jista’ jaffettwa ħafna l-prezzijiet tal-ikel fis-sena 2027, anke jekk il-prodott innifsu ma jgħaddix minn Hormuz. It-traffiku minn Hormuz għadu ħafna taħt il-livelli normali, u l-enerġija qed tibqa’ għalja. Hu previst li dan  se jwassal għal inflazzjoni tal-ikel ogħla fl-2027.”

“Prodott li ġie affettwat ħafna kien il-fertilizzant. Il-provvisti tiegħu ġew affettwati u llum il-bdiewa għandhom inqas fertilizzanti x’jużaw. Dan bla dubju li se jaffettwa l-produzzjoni.  Bħalissa, il-fertilizzanti tan-nitroġenu huma l-akbar riskju. Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-prezzijiet tal-fertilizzanti tan-nitroġenu fl-Unjoni Ewropea kienu 40 fil-mija ogħla f’April li għadda milli kien f’Diċembru tas-sena li għaddiet. Biex wieħed jifhem, il-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitroġenu tiddependi ħafna fuq il-gass, li jammonta għal madwar 70 fil-mija tal-ispiża tal-produzzjoni. 

L-Unjoni Ewropea tiddependi ħafna fuq importazzjonijiet ta’ urea, ammonia u fertilizzanti oħra. It-tensjoni fl-Istrett ta’ Hormuz ikkawżat tfixkil fil-provvista tal-fertilizzanti u żieda fl-ispejjeż tal-enerġija. Hemm twissijiet ċari llum li n-nuqqas ta’ fertilizzanti jista’ jwassal għal rendimenti aktar baxxi u provvista tal-ikel aktar stretta fit-tieni nofs tas-sena 2026 u fis-sena 2027. Kien previdt li l-effett mhux se ikun immedjat u dan għax il-bdiewa jkunu xtraw fertilizzanti qabel bdiet it-tensjoni bejn l-Iran u l-Istati Uniti. L-effett jidher aktar meta jibda jixtri għall-istaġun agrikolu li jkun jmiss.”

Il-prezzijiet tal-ikel se jkunu l-mutur ewlieni tal-inflazzjoni fl-2027 – il-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Bank Ċentrali Ewropea ukoll qiegħed iwissi minn inflazzjoni marbuta mal-prezzijiet tal-ikel għas-sena d-dieħla. 

L-ekonomista mal-Bank Ċentrali Ewropew Philip Lane kien fost dawk li ddikjara li l-inflazzjoni tal-ikel se tkun waħda mill-muturi ewlenin tal-inflazzjoni ġenerali għas-sena d-dieħla. Dan se jkun qiegħed iseħħ hekk kif il-prezz taż-żejt qed jerġa’ jogħla, u llum qiegħed bil-prezz ta’ $90 għal kull barmil żejt mhux raffinat brent.

Lane jisħaq li ż-żieda fl-inflazzjoni tiddependi fuq il-prezzijiet tal-enerġija, inkluż kemm iż-żejt kif ukoll il-gass.

Huwa qal li “hija tassew sitwazzjoni inċerta” iżda li l-inflazzjoni se tibqa’ fit-3 fil-mija għall-bqija tas-sena.

Hu jiddikjara li “mhix bħall-10 fil-mija li kellna fis-sena 2022, iżda 3 fil-mija għadha ferm ogħla mill-mira ta’ 2 fil-mija li għandna.” Ma naqasx li jgħid li l-inflazzjoni tal-ikel madwar l-Ewropa hija relattivament baxxa fil-mument.

Jitkellem dwar l-avvenimenti tat-temp u jgħid li “l-avvenimenti tat-temp, bħal El Niño, b’mod prevedibbli se jwasslu għal aktar pressjoni fuq l-inflazzjoni. Fil-fatt, il-kalkoli tagħna jgħidu li dan se jkun l-aktar fis-sena 2027. Żied jgħid:“din hija xi ħaġa li fis-sajf tal-2027 se tkun l-aktar viżibbli.”

L-ekonomista jgħid li  l-kumpaniji qed jivvalutaw jekk jistgħux jgħaddu ż-żidiet fil-prezzijiet jew qed jistaqsu jekk għandhomx jassorbuha permezz ta’ profittabbiltà aktar baxxa kif ukoll jikkunsidraw li jnaqqsu l-livelli ta’ attività. Huwa qal li kien importanti li wieħed iħares lejn l-effett kemm tad-domanda kif ukoll tal-livelli ta’ attività.

“Bħalissa, l-ekonomija Ewropea qed tikber. L-aktar informazzjoni reċenti turi li l-ekonomija Ewropea qed tikber bir-rata 0.3 fil-mija, 0.4 fil-mija fit-tieni kwart, li fil-kuntest Ewropew mhuwiex daqshekk ħażin.”

RaboResearch tbassar żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-Ewropa matul l-2027 fost kunflitt fil-Lvant Nofsani

Rapport li nħareġ minn RaboResearch qiegħed juri li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija mit-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani se timbotta l-inflazzjoni tal-ikel fl-Ewropa matul is-sena 2027. Intqal li l-ktajjen tal-provvista tal-ikel jiffaċċjaw spejjeż dejjem jogħlew minħabba dipendenza qawwija fuq il-fjuwil, l-elettriku, u l-inputs tal-fertilizzanti.

Ir-rapport jistħarreġ l-impatti mbassra fuq il-katina tal-provvista tal-ikel dipendenti ħafna fuq l-enerġija — li ​​taffettwa l-produzzjoni tal-ikel, l-ippakkjar, il-loġistika, u l-inputs agrikoli.

Jgħid li l-industrija tal-ikel inġenerali hija partikolarment vulnerabbli għax-xokkijiet tal-enerġija, peress li sistemi bħat-tkessiħ, it-tisħin, it-tħin, u l-produzzjoni agrikola jiddependu ħafna fuq l-elettriku u l-fjuwil.

Żidiet fil-prezzijiet tal-merċa fl-Ewropa

Filwaqt li l-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel fl-Unjoni Ewropea tista’ ma sseħħx immedjatament, huwa mbassar li l-merċa se ssir aktar għalja lejn tmiem is-sena 2026. Kwalunkwe inflazzjoni x’aktarx li twassal ukoll għal tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ bl-imnut u t-traffiku tas-servizzi tal-ikel.

RaboResearch tgħid, “mewġa oħra ta’ inflazzjoni tista’ twassal lill-konsumaturi biex sempliċement jixtru inqas jew jieklu barra inqas ta’ spiss,” u twitti t-triq għal negozjati tal-prezzijiet partikolarment ta’ sfida fix-xhur li ġejjin bejn il-bejjiegħa bl-imnut u l-operaturi tas-servizzi tal-ikel.

Ir-rapport ta’ RaboResearch jiżvela li l-prezzijiet taż-żejt mhux raffinat Brent żdiedu b’61 fil0mija u l-prezzijiet tal-gass TTF b’68 fil-mija meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-gwerra. Il-prezzijiet tal-fjuwil fil-pompa wkoll qabżu sew.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport