Is-Sibt 18 ta’ Jannar, fit-Teatru Astra ttellgħet is-sitt edizzjoni tal-festival Kantamagħna organizzat minn DCapitals Big Band. Il-festival kien miftuħ għal kantanti bejn il-11 u l-35 sena u kien maqsum f’żewġ kategoriji. Ħmistax-il kantant li kellhom bejn 11 u 15-il sena ħadu sehem f’Kantamagħna Junior, filwaqt li ħmistax-il kantant ieħor ħadu sehem fil-Festival Kantamagħna għal dawk bejn 16 u 35 sena. Dawn it-tletin finalist għaddew minn proċess ta’ awdizzjonijiet li sar f’Novembru li għadda.

Fis-serata finali, il-kantanti kollha kienu akkumpanjati minn live band magħmula minn tmintax-il element taħt id-direzzjoni tas-Surmast George Apap. Giorgio Anici Camilleri rebaħ Kantamagħna Junior, fejn huwa interpreta l-kanzunetta ‘What a Wonderful World’. Aaliyah Grech u Joy Xerri ġew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.

Fit-tieni parti tal-festival kien imiss lill-kantanti minn 16-il sena ‘l fuq. Il-Festival Kantamagħna ntrebaħ mill-kantanta Thea Aquilina li interpretat il-kanzunetta ‘I Will Survive’. Nicole Hammett ġiet fit-tieni post, filwaqt li Ema spiċċat fit-tielet post.

Ir-rebbieħa Thea Aquilina, ngħatat sena kuntratt ma’ DCapitals Big Band fejn matul it-tnax-il xahar li ġejjin ser tkompli tikseb aktar esperjenzi mużikali, u tieħu sehem f’għadd kbir ta’ kunċerti flimkien ma’ din il-band Għawdxija.

Il-festival ġie ppreżentat minn Keane Cutajar. Dan l-avveniment ittella’ bil-kollaborazzjoni tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.