Monday, May 13, 2024

Titella’ b’suċċess il-Malta International Fish Fest 2023

Aqra wkoll

Mijiet ta’ persuni attendew għall-Malta International Fish Fest ta’ din is-sena, inizjattiva li kienet imqassma fuq jumejn f’Marsaxlokk u fil-Mellieħa, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, spjegaw kif l-edizzjoni ta’ din is-sena kisbet perspettiva iktar wiesgħa u internazzjonali minn edizzjonijiet preċedenti.

Kull min attenda l-Malta International Fish Fest gawda minn bejgħ ta’ ħut, tisjir u promozzjoni ta’ ħut tradizzjonali li jkunu maqbudin f’ibħra lokali, bħal spnott, qawrat, tonn, lampuki, mazzoli u raj, kif ukoll numru ta’ stands informattivi u edukattivi. Din l-inizjattiva ospitat numru ta’ artisti lokali, bil-għan li jipprovdu divertiment għar-residenti u t-turisti ta’ kull età.

Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif dan il-festival huwa turija ċara ta’ kemm pajjiżna kapaċi jesponi l-akwakultura reputabbli tiegħu ma’ kulħadd. “Minkejja li pajjiż żgħir, il-Gżejjer Maltin huma sinjuri fil-kultura u t-tradizzjonijiet li ħadmu għalihom missirijietna matul is-snin. Dan il-festival tal-ħut fin-nofsinhar u t-tramuntana ta’ pajjiżna kien mezz li bih nuru l-prodott tant tajjeb li kapaċi noffru għal kull min jiġi jżurna,” rrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said esprimiet is-sodisfazzjon tagħha waqt li spjegat kif il-Fish Fest se jibqa’ jservi ta’ opportunità sabiex kemm il-Maltin, kif ukoll it-turisti, ikunu jistgħu japprezzaw aħjar il-ħidma kbira li jinvolvi s-sajd. Aktar minn hekk, din il-festa kienet opportunità għall-familji kollha sabiex gawdew mill-esperjenzi sbieħ li joffru dawn l-avvenimenti.

Il-Ministru Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said irringrazzjaw lill-ħaddiema kollha tal-Events and Promotions Unit fil-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, lid-Dipartiment tas-Sajd u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tal-ħidma li wettqu.

Sport