Għadha kif tħabbret il-mewt ta’ Norman Hamilton. Fl-1961 sar l-ewwel preżentatur tar-radju Malti mal-British Forces Broadcasting Service (BFBS).
Wara perjodu f’Londra, irritorna Malta u fl-1967 ingħaqad mar-Rediffusion, fejn ipproduċa u ppreżenta l-ewwel Breakfast Show dirett. Fl-1973 kien wieħed mill-uċuħ ewlenin tal-bidu ta’ Radju Malta. Aktar tard kellu diversi karigi fit-televiżjoni, fosthom bħala Head of Television Programmes.
Fl-1983 introduċa t-televiżjoni bi programmi matul il-ġurnata u pproduċa u ppreżenta, flimkien ma’ martu Josette, il-programm popolari ta’ seba’ sigħat “Sibtijiet Flimkien”.
Għal bosta snin kien ukoll il-preżentatur tal-programm “Bla Agenda”, li sar wieħed mill-programmi magħrufa tiegħu. Huwa kien involut ukoll fl-industrija tat-turiżmu u l-ivvjaġġar, apparti l-midja.
Fl-2021, huwa ġie onorat b’Midalja għall-Mertu (MOM) għas-servizz u l-kontribut tiegħu. Fl-2006 kien ingħata wkoll Lifetime Achievement Award għall-kontribut tiegħu.

