Monday, March 10, 2025

Titnieda “Żomm Tarmix”… inizjattiva biex tonqos il-ħela tal-ikel

Aqra wkoll

L-Aġenzija Maltija għall-Ikel nediet l-inizjattiva “Żomm Tarmix” li se ġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkun qrib skadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji. B’dan il-qafas, se titjieb l-effiċjenza, tiżdied it-trasparenza u tonqos il-ħela tal-ikel. Dan filwaqt li l-benefatturi, li huma n-negozji, se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis fit-taxxa. 

L-inizjattiva mħabbra llum se tkun fuq pjattaforma diġitali tarmix.gov.mt, bid-dettalji dwarha ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo fost oħrajn.

Din il-pjattaforma diġitali se tipprovdi mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti biex id-distribuzzjoni tal-ikel isseħħ b’mod effettiv u biex jiġi żgurat illi l-għajnuna tasal għad dawk li verament għandhom bżonnha. L-organizzazzjonijiet volontarji se jkunu jistgħu jirreġistraw permezz ta’ e-ID biex jiġi żgurat li l-proċess ikun sigur u li l-għajnuna tilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Fid-diskors tiegħu, l-Prim Ministru fisser din l-inizjattiva bħala waħda importanti kontra l-ħela tal-ikel u li hi proġett ieħor imsejjes fuq żewġ prinċipji ewlenin, dak tal-ġustizzja soċjali fejn ngħinu lin-nies jgħixu tajjeb u f’saħħithom u l-prinċipju tas-sostenibilità billi jkun assigurat l-aqwa użu tar-riżorsi tagħna b’enfasi favur l-ambjent. 

Dr Abela sostna li f’sitwazzjoni fejn l-inflazzjoni f’pajjiżna rnexxielna nindirizzawha, tibqa’ xorta realtà, illum qed nagħmlu l-pass li jmiss. Huwa qal li t-tema tal-ikel jorbot magħha dik tal-attività fiżika, illi magħdudin flimkien jikkontribwixxu għal saħħa aħjar għall-poplu kemm mill-aspett ta’ saħħa mentali kif ukoll mill-aspett fiżiku.

Il-Prim Ministru enfasizza li beħsiebu jwessa’ aktar id-diskussjoni fuq l-importanza ta’ ikel tajjeb għas-saħħa. Dan għaliex meta wieħed jitgħallem minn età ċkejkna dwar il-valur li jiekol ikel tajjeb ikun għamel pedamenti sodi biex jibqa’ għaddej biha tul ħajtu kollha.

“Hemm mentalità żbaljata, ħafna forsi jaħsbu li biex tiekol ikel nutrittiv trid tonfoq ħafna iżjed. Nemmen li bl-għażliet it-tajba dik il-fehma żbaljata nistgħu nuru kemm verament hi żbaljata. Nemmen li tiekol tajjeb jista’ jiġik orħos milli tmur fid-direzzjoni ta; junk food jew ikel ta’ kwalita aktar inferjuri,” qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru temm jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li “qed jirnexxielna nġibu din is-soċjetà kollha flimkien biex nibqgħu nimbuttaw dawn ir-riformi u dawn il-bidliet u b’hekk nibqgħu nwettqu u nimplimentaw il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Anton Refalo qal li jinsab persważ li n-negozji se jagħtu s-sehem kollu tagħhom sabiex din l-inizjattiva tkun suċċess. Hawnhekk il-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta u fl-istess ħin jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, kif wegħedna fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Il-Ministru Refalo qal ukoll li din l-istrateġija mhux biss tnaqqas ir-rimi, imma tgħin ukoll familji Maltin u Għawdxin jiksbu prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet aktar raġonevoli. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Maltija għall-Ikel Brian Vella qal li l-ħela tal-ikel tmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Qal li llum qegħdin hawn biex nwelldu mentalità ġdida. “Bidla fil-mentalità fejn permezz tal-pjattaforma tarmix.gov.mt se noħolqu għarfien dwar l-ikel bħala riżorsa, li tgħin lin-nies u ssaħħaħ il-komunitajiet,” qal is-Sur Vella. “Qed nassiguraw aktar ekonomija sostenibbli pero messaġġ ċar u b’saħħtu li flimkien pajjiżna se naslu.”

Din l-inizjattiva hija parti mill-isforzi tal-Gvern biex inaqqas il-ħela tal-ikel u jinkoraġġixxi modi sostenibbli kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali hekk kif din l-iskema se tkun ta’ għajnuna għal dawk li l-aktar għandhom bżonn fis-soċjetà.  

Barra minn hekk, Malta se tkun ukoll fost il-pajjiżi li qed jagħmlu avvanzi konkreti fl-implimentazzjoni tal-mudell ta’ ekonomija ċirkolari, fejn il-prodotti ma jintremewx imma jintużaw biex tgawdi l-komunità kollha.

Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġie ffirmat ftehim dwar din l-iskema bejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, imsieħba soċjali u għaqdiet volontarji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport