Saturday, December 21, 2024

Tlesta l-proġett ta’ restawr tal-qniepen fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt Valletta

Ġew installati wkoll sett ta’ qniepen ġodda

Aqra wkoll

Bl-għajnuna finanzjarja mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-Provinċja Franġiskana – San Pawl Appostlu Malta lestiet proġett fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt Valleta biex tirrestawra l-qniepen storiċi tal-knisja, li kienu tneħħew sentejn ilu għall-manutenzjoni. Dawn il-qniepen, sorveljati minn diversi ħaddiema matul is-sekli, huma parti mill-istorja rikka u wirt kulturali li għandna fil-Belt Kapitali.

Ir-restawr involva żewġ qniepen storiċi minn żewġ ħaddiema Maltin u l-akkwist ta’ erba’ ġodda. Dawn il-qniepen ġodda ġew maħduma mir-Royal Eijsbouts Bellfoundry, entità rinomata fl-Olanda li hija magħrufa għall-produzzjoni ta’ qniepen importanti bħall-qanpiena l-kbira tal-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi u l-qanpiena Olimpika għal-logħob ta’ Londra.

Dan il-proġett mhux biss ser itejjeb l-armonija tal-ħsejjes tal-qniepen Ta’ Ġieżu madwar il-Port il-Kbir, iżda wkoll ser isaħħaħ l-esperjenza kulturali u spiritwali għal dawk li jżuru u jitolbu f’din il-knisja ta’ storja kbira. Ir-restawr li sar jiżgura l-preservazzjoni tas-sinifikat storiku u reliġjuż tal-knisja għall-ġenerazzjonijiet futuri kif ukoll li jibqa’ iservi ta’  kontribut għall-wirt kulturali ġenerali ta’ Malta.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo fl-inawgurazzjoni uffiċjali ta’ dan il-proġett.

Il-Ministru Clayton Bartolo ddikjara li titjib fil-prodott turistiku qiegħed jsir fuq kull livell inkluż fejn jidħol it-turiżmu reliġjuż. “Din hija niċċa li fiha pajjiżna għandu potenzjal enormi li jikber u jkun fost l-aqwa fil-Mediterran. Kull belt u raħal fil-gżejjer Maltin għandhom l-istorja tagħhom fid-dinja kulturali u reliġjuża. Minn madwar id-dinja, b’mod partikolari minn swieq imbegħda, jeżistu turisti li jiġu minn barra l-Ewropa apposta fuq pellegrinaġġ jew vjaġġ spiritwali. Għalhekk, l-għan tagħna huwa li npoġġu lil Malta u Għawdex bħala destinazzjoni b’saħħitha fuq dan ir-rigward,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Ekonomija

Sport