Saturday, May 4, 2024

Tliet kwarti tan-nies f’Malta fl-2023 użaw networks soċjali

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Internet bidlina ħajjitna u għalkemm lokalment il-familjarità u l-influwenza ta’ din it-teknoloġija ma seħħux mil-lejl għal nhar, illum il-ġurnata tista’ tgħid li din hija parti integrali ta’ ħajjitna. Pjuttost, fejn jidħlu l-ġenerazzjonijiet il-ġodda, dawn lanqas jimmaġinaw dinja mingħajrha. 

L-użu tan-networks soċjali, b’mod partikolari, żied bil-qawwi tant li studju mill-Eurostat sab li tliet kwarti tal-poplu Malti, 75.75%, fl-2023 għamel użu minnhom. Dawn in-networks soċjali jinklużu fost l-oħrajn ħolqien ta’ profili online u messaġġi jew kontribuzzjonijiet fuq Facebook, X, Instagram, Snapchat u Tiktok. 

Dan l-istudju fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea sab li s-sena l-oħra, il-medja taċ-ċittadini li wżaw networks soċjali fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom kienet ta’ 59%. Din ir-rata turi li l-popolarità tan-networks soċjali żdiedet sew f’dawn l-aħħar snin.

Il-pajjiż li rriżulta li kellu l-ogħla preċentwal ta’ ċittadini li pparteċipaw fuq networks soċjali fis-sena indikata kien id-Danimarka b’xejn inqas minn 91%. Warajh ikklassifika Ċipru b’83% u fit-tielet post, b’81%, kienet l-Ungerija. 

Mentri, fuq in-naħa l-oħra, il-pajjiżi bl-aktar perċentwali baxxi ta’ parteċipazzjoni f’networks soċjali fl-2023 kienu Franza (44%), il-Ġermanja (49%) u l-Italja (53%). 

Illum tista’ tgħid li huwa rari li persuna ma tużax l-Internet…

F’224 minn 273 reġjun tal-UE, il-parteċipazzjoni f’networks soċjali kienet ogħla minn 50%. L-ogħla perċentwali ġew irreġistrati f’sitt reġjuni Daniżi. Dawn kienu f’Midtjylland (93 %), Hovedstaden (ir-reġjun kapitali b’92%), Syddanmark (90%), Nordjylland u Sjælland (it-tnejn 89%).

Reġjuni oħra fil-blokk Ewropew li wkoll kellhom perċentwal għoli ta’ użu ta’ Internet għall-midja soċjali, kienu t-tliet reġjuni Ungeriżi – Budapest (86%), Közép-Magyarország (85 %) u Pest (84 %), kif ukoll Flevoland (84 %) fl-Olanda.

Ir-reġjuni bl-inqas rati ta’ użu tan-networks soċjali rriżultaw li kienu l-aktar fi Franza u fil-Ġermanja. Fi Franza dawn kienu Guyane (22%), Martinique (29%), Guadeloupe (30%), Bretagne (38 %), Haute-Normandie (39%) u Bourgogne (40 %). Mentri, fil-Ġermanja, dawn kienu r-reġjuni ta’ Sachsen-Anhalt (35%), Brandenburg (36%), Thüringen (38%) u Mecklenburg-Vorpommern (40%).

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport