Tuesday, December 3, 2024

TMIEM TAL-GWERRA?

Aqra wkoll

Il-bniedem li l-President Trump innomina biex imexxi l-politika Amerikana dwar il-gwerra tal-Ukrajna kien aktar kmieni dis-sena kiteb rapport dwar kif l-Istati Uniti għandhom jistinkaw biex itemmu l-gwerra. Skond dar-rapport, għandhom jinsistu maż-żewġ naħat biex iwaqqfu l-ġlieda fuq il-linji ta’ fejn ikun wasal il-kunflitt bejniethom u jibdew jinnegozjaw.

Jekk ir-Russja ma taqbilx, l-Istati Uniti jkomplu jżidu fl-appoġġ militari lill-Ukreni. Jekk l-Ukreni jgħidu le, l-Istati Uniti jwaqqfulhom kull għajnuna militari. Mhuwiex ċar x’jiġri jekk iż-żewġ naħat jgħidu le.

Fil-ġimgħat li ġejjin, mistoqsija kruċjali għall-Ewropej se tkun: x’għandhom jaddottaw bħala pożizzjoni quddiem l-inizjattivi li tista’ tieħu l-amministrazzjoni Amerikana u li faċilment jistgħu jaqilbu ta’ taħt fuq il-premessi li fuqhom Russi u Ukreni mexxew il-kampanji tagħhom sa issa.

L-ANTI-SEMITIŻMU

Saret prattika kostanti tal-mexxejja attwali ta’ Iżrael li kull kritika li ssir ta’ pajjiżhom jew tal-ħidma tal-gvern Iżraeljan ilaqqmuha anti-semitika, jikkundannawha, jinjorawha, u jibqgħu sejrin b’li jridu jwettqu akkost ta’ kollox. Dil-ħaġa spikkat fl-aħħar xhur speċjalment waqt li l-mexxejja ta’ Iżrael baqgħu jidderieġu l-gwerra tagħhom fil-Gaża bl-aktar mod inuman. Imma tqum ukoll meta bl-aktar mod sfaċċat, ċittadini Iżraeljani jitħallew jidħlu fuq artijiet tal-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent fejn iwaqqfu l-komunitajiet tagħhom.

Li hemm realtà ta’ nies li huma anti-semiti u jobogħdu lil-Lhud għax huma Lhud ma tistax tiċħadha. Il-glieda kontra l-anti-semitiżmu tibqa’ meħtieġa. Imma qed tiġi mminata mill-istess mexxejja Lhud ta’ Iżrael bit-tattika li l-kritika kontrihom ipoġġuha taħt il-kappa tagħha. Bl-ebda mod ma jridu jirrikonoxxu l-iżbalji tagħhom u qed jaqgħu fl-assurdità traġika li b’imġibithom qed jinkoraġġixxu l-anti-semitiżmu, anke fejn qabel ma kienx jeżisti.

REĠISTRU TAL-ARTIJIET

Jekk fhimt tajjeb, il-gvern qed imexxi proġett biex sa fl-aħħar jibni sal-aħħar b’mezzi elettroniċi reġistru tal-artijiet u ta’ min jipposedihom f’Malta u Għawdex. Jekk dan hu li se jsir u l-proġett jirnexxi, is-suċċess (għalkemm ftit se jindunaw) ikun wieħed spettakolari.

Għax li jinġabar reġistru sħiħ tal-artijiet f’Malta hu l-proġett statali li l-aktar ilu se jsir… se jsir – u baqa’ mhux imwettaq. Kien ittellaq mill-amministrazzjoni Laburista tas-snin ħamsin tas-seklu l-ieħor, ftit qabel intemmet hesrem, aktar minn 65 sena ilu u baqa’ pendenti sal-lum. Kien hemm amministrazzjonijiet li pprovaw jimbuttawh ’il quddiem, oħrajn li insewh.

Biss li jkun hawn reġistru serju tal-artijiet suppost jitqies bħala ħaġa importanti minn kulħadd, speċjalment fi żmien meta kwistjonijiet ambjentali jitqajmu bla waqfien. In-nuqqas tiegħu kien inħass bil-kbir meta bejn il-gvern Laburista u l-Kurja kienu qamu fis-snin tmenin tas-seklu l-ieħor, kontroversji kbar dwar il-propjetà immobbli tal-Knisja.

Ekonomija

Sport