Saturday, April 27, 2024

Trump: “L-akbar ammont ta’ mwiet mhux se jkunu direttament mill-Covid-19”

Aqra wkoll

Is-suwiċidji, l-abbuż mid-droga u l-vjolenza domestika mistennija jiżdiedu fi żmien il-kriżi tal-Coronavirus

Minn CARMEN CACHIA

Hekk kif it-tensjoni minħabba t-tixrid tal-Coronavirus qiegħda teskala, fejn dalwaqt nilħqu l-miljun persuna infettata u diġà qbiżna l-40,000 fatalità, qegħdin jiżviluppaw problemi oħra serji ħafna, li huma wkoll ta’ theddida għal ħajjet il-bniedem. Ministru tal-Finanzi Ġermaniż temm ħajtu wara li daħal fi kriżi serja minħabba l-effett negattiv tal-Coronavirus fuq l-ekonomija, mentri fl-Italja seħħu mill-inqas żewġ suwiċidji ta’ infermiera li ma felħux jaraw aktar imwiet quddiem wiċċhom. Sitwazzjoni inkwetanti oħra hija dik tal-vjolenza domestika fejn fi Franza l-Gvern kellu jsib mezzi alternattivi biex jipproteġi lill-vittmi wara li żewġ nisa ġew maqtula mill-agressuri tagħhom. 

Għadd ta’ mwiet mhux kawżati mill-virus innifsu, qegħdin jiġu rrapportati madwar id-dinja kollha u din l-emerġenza “fantażma” hemm bżonn li tkun indirizzata llum qabel għada. Fil-lista tal-imwiet li mhumiex mill-Covid-19, hemm dawk minħabba dipressjoni akuta li twassal għas-suwiċidju, overdose minn abbuż eċċessiv ta’ droga u qtil f’każi ta’ vjolenza domestika. It-telf ta’ mpjiegi, il-kwarantina obbligatorja, biżgħa eċċessiva, solitudni, ansjetà u paniku huma fatturi riskju li qegħdin iżidu fil-lista tal-vittmi f’dan il-perjodu tant diffiċli għall-umanità.

Trump iwissi li jista’ jkun hemm eluf ta’ suwiċidji…

Sa mill-bidu tal-kandidatura tiegħu għat-tmexxija tal-Istati Uniti u issa bħala President ta’ din is-super pontenza, Donald Trump huwa kkonsidrat bħala persunaġġ kontroversjali ħafna kemm fix-xena politika, kif ukoll bħala negozjant biljunarju. Kien hemm diversi rapporti mill-midja internazzjonali fejn urew li dan il-President Amerikan kien ikkritikat u xi drabi anke redikolat, minn mexxejja oħra u dan minħabba l-modi ta’ kif Trump jirreaġixxi, il-mod kif jitkellem u xi drabi anke kif jirraġuna. 

Il-konferenzi tal-aħbarijiet li Donald Trump qiegħed jindirizza bħalissa bħala aġġornamenti dwar il-Coronavirus, ħafna drabi qegħdin jieqfu ħesrem minħabba li l-President Amerikan qiegħed iħossu attakkat iżżejjed mill-midja. Iżda punt li ilu jisħaq fuqu u s’issa jidher li ħadd għadu ma rrealizza, huwa proprju dak li jekk ma noqogħdux attenti u “nagħlqu kullimkien”  jista’ jkun hemm eluf ta’ persuni li jtemmu ħajjithom minħabba diversi fatturi riskju fosthom ansjetà, biżgħa, konsegwenzi sekondarji fosthom mard mentali u riperkusjonijiet ekonomiċi li qiegħed u għad irid jikkawża aktar, il-Covid-19.

Il-perjodu ta’ lockdown sar opportunità malinna biex l-agressur jabbuża aktar mill-vittma tiegħu

Donald Trump

Is-sitwazzjoni fl-Istati Uniti hija waħda kritika minħabba li n-numru tal-persuni li tilfu ħajjithom minħabba dan il-virus qattiel (aktar minn 4,000), issa qabeż l-ammont ta’ ħajjiet mitlufa mill-attakki terroristiċi ta’ 9/11. New York hija l-belt epiċentru ġdida tal-Coronavirus u ż-żona fejn waqa’ l-World Trade Centre 18-il sena ilu, reġgħet qalgħet daqqa ta’ ħarta minħabba li f’Manhattan waħdu huwa rrapportat li aktar minn 900 persuna mietu konsegwenza ta’ dan is-supervirus li oriġina miċ-Ċina.

L-imwiet fl-Istati Uniti tant żdiedu li t-trakkijiet friġġ li jintużaw oriġinarjament għall-merkanzija, issa qegħdin jaħżnu l-kadavri fihom. L-ibliet u l-istati qegħdin jieħdu diversi miżuri biex ikun evitat it-tixrid, inkluża sejħa biex in-nies jibqgħu fid-djar tagħhom. Dan wara li esperti fil-qasam tas-saħħa fl-Istati Uniti wissew li l-agħar perjodu tal-virus se jkun proprju f’dawn il-ħmistax li ġejjin u l-każi jistgħu jitilqgħu għal 240,000 persuna infettatata, b’total ta’ 84,000 mejta.

Il-biżgħa ta’ Trump tmur lil hinn minn dik tal-infezzjoni. Huwa qiegħed jisħaq li għeluq totali tal-pajjiżi u n-negozji, jistgħu jwasslu għal numru kbir ta’ suwiċidji. “Hemm bżonn inħaddmu l-pajjiż għax jekk l-ekonomija tbati, se jkollna eluf ta’ suwiċidji,” wissa Trump. Kriżi ekonomika tista’ tfisser telf ta’ mpjiegi u l-President Amerikan jemmen li l-imwiet ikkaġunati minħabba ekonomija fqira, “żgur li se jkunu ferm akbar min-numru tal-vittmi li mardu u mietu bil-Coronavirus”.

“Se titilfu numru ta’ pazjenti minħabba l-virus, imma se jkun hemm eluf oħra li jagħżlu li jtemmu ħajjithom. Ma tistgħux tiġu u titlobuni biex nagħlaq lill-Istati Uniti tal-Amerika. Jekk mhux se nerġgħu nirritornaw għan-normalità se jkun hemm ħafna telf ta’ ħajja b’suwiċidju u se jkun hemm persuni li jabbużaw b’mod esaġerat mid-droga fuq livell li qatt ma rajna bħalu qabel,” spjega Trump.

Jekk mhux se nerġgħu nidħlu fin-normalità, se jkun hemm ħafna telf ta’ ħajja

Donald Trump

Huwa qiegħed jinsisti li t-telf fl-ekonomija jista’ jaffettwa s-saħħa mentali tan-nies u huwa tal-fehma li n-nies jibbenifikaw jekk jibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin u jmorru għax-xogħol. Minn esperjenzi preċedenti, huwa fatt li dejjem kien hemm żieda fis-suwiċidji meta seħħet insabbiltà ekonomika. Il-biżgħa minn imwiet mhux ikkaġunati direttament mill-virus hija wkoll fost xi esperti li qalu li jista’ jkun hemm sa miljun Amerikan li jmutu konsegwenza tas-sitwazzjoni maħluqa mill-Coronavirus.

Dan mhuwiex kliem fl-arja…

It-tħassib tal-President Amerikan huwa ġġustifikat minħabba li f’dawn ix-xhur kien hemm każi tas-suwiċidji instigati mill-biżgħa tal-Coronavirus. Fil-fatt, il-linji ta’ sokkors għall-persuni fi kriżi ta’ suwiċidju kemm fl-Istati Uniti, kif ukoll f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, kellhom żieda konsiderevoli fin-numru ta’ telefonati li jirċievu ta’ kuljum.

Thomas Schaefer, il-Ministru tal-Finanzi tal-istat Ġermaniż ta’ Hesse

Żewġ każi li fil-ġranet li għaddew kienu fuq fomm ħafna nies kienu dak tal-Ministru Ġermaniż u dak ta’ infermiera Taljana. Is-sogħba għat-telfa ta’ dawn iż-żewġ persuni li nħakmu mill-kruha tal-virus qattiel, kienet espressa fuq il-midja soċjali, però ta’ min jgħid li, ħaġa bħal din għandha r-riperkussjonijiet tagħha u hija ta’ eżempju ħażin għal dawk li baqgħu warajhom u għad irid jiffaċċjaw ir-realtà iebsa tal-Covid-19.

Thomas Schaefer, il-Ministru tal-Finanzi tal-istat Ġermaniż ta’ Hesse, temm ħajtu wara li beda jinkwieta ħafna kif se jiffaċċja l-kriżi ekonomika minħabba l-Coronavirus. Schaefer, li kellu 54 sena, instab mejjet ħdejn linji tal-ferrovija s-Sibt li għadda u l-mewt tiegħu ħasdet lill-istat kollu li fih jinkludi Frankfurt, il-kapitali finanzjarja tal-Ġermanja li fiha hemm negozji kbar fosthom il-kwartieri ġenerali tad-Deutsche Bank, il-Commerzbank u l-Bank Ċentral Ewropew.

Il-Ministru Ġermaniż kien ilu l-kap tal-finanzi f’Hesse għal dawn l-aħħar 10 snin u huwa rrapportat li kien qiegħed jaħdem lejl u nhar biex jgħin lill-kumpaniji u lill-ħaddiema jiffaċċjaw l-impatt ekonomiku ta’ din il-pandemija. Schaefer kien membru tal-partit ta’ Merkel u ħalla warajh lil martu u żewġt itfal.

Min-naħa l-oħra, każ traġiku ieħor li xxokkja lil ħafna huwa dak tal-infermiera Taljana, Daniela Trezzi ta’ 34 sena, li temmet ħajjitha wara perjodu iebes fil-frontline tal-gwerra kontra l-virus qattiel. Fl-Italja aktar minn 5,000 ħaddiema fis-settur tas-saħħa ġew infettati bil-Coronavirus u dan il-pajjiż huwa l-aktar li sofra minħabba t-tifqigħa b’total ta’ mwiet li dalwaqt jilħaq it-13,000 vittma.

L-infermiera kienet xogħol fit-taqsima tal-kura intensiva fl-isptar ta’ San Gerardo f’Monza, il-Lombardija li huwa l-aktar reġjun milqut mill-pandemija. Rapporti inizjali qalu li Trezzi kienet irriżultat pożittiv għat-test tal-Coronavirus u bdiet tinkwieta li se tinfetta lin-nies. Il-biżgħa kbira li ħakmitha li forsi tikkaġuna l-mewt ta’ pazjenti oħra, jidher li wasslitha biex ittemm ħesrem ħajjitha. 

Tabiba prominenti Taljana f’intervista ma’ stazzjon televiżiv Ingliż, qalet li r-realtà fl-Italja tal-persuni li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa hija kerha ħafna u li mn’alla bħalissa jinsabu għaddejjin bla waqfien bil-ħidma tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet. Hija saħqet li l-atroċitajiet li qegħdin ikollhom jiffaċċjaw bħala professjonisti, żgur li aktar ‘il quddiem se jkollhom riperkussjonijiet fuq is-saħħa mentali tagħhom. 

Każ ieħor ta’ suwiċidju ta’ infermier kien irrapportat f’Venezja, mentri l-Federazzjoni tat-Tobba fl-Italja kkonfermat li 33 tabib mietu minħabba l-Coronavirus.

Pandemija ta’ vjolenza domestika

Fergħa oħra ta’ periklu serju għal ħajjet il-bniedem li aċċenwat minħabba l-Coronavirus hija dik tal-vjolenza domestika, fejn huwa rrapportat li l-każi ta’ dan il-ġeneru żdiedu madwar id-dinja kollha u l-gravità hija elevata minħabba kwarantina obbligatorja.

Il-vittmi, li ta’ bilfors qegħdin ikollhom jingħalqu bejn l-erba’ ħitan tad-dar mal-agressuri tagħhom, żdiedu tant li għadd ta’ pajjiżi qegħdin jieħdu miżuri biex ma jkunx hemm fatalitajiet ikkawżati minn vjolenza domestika.

F’dan il-perjodu, deskritt bħala l-pandemija tal-vjolenza domestika, l-abbużi fid-djar wasslu biex il-Gvern Franċiż joffri lill-vittmi allokazzjoni f’lukandi tul il-perjodu tal-lockdown minħabba l-Covid-19. Sfurzati jibqgħu viċin l-agressuri tagħhom, il-vittmi ta’ vjolenza domestika qegħdin isofru l-ħin kollu minħabba miżuri meħuda fil-pajjiżi biex ikun evitat it-tixrid tal-virus. 

Barra minnhekk, it-tfal f’dan it-tip ta’ ambjent, issa jinsabu mingħajr skola u jfisseri li issa huma aktar f’riskju ta’ espożizzjoni għal vjolenza fuq il-ġenitur vittma. Esperti tas-saħħa qalu li biżgħa għas-saħħa personali u biżgħa minħabba problemi finanzjarji jistgħu jżidu fl-ansjetà u konsegwenza ta’ dan, qiegħed ikun hemm qabża fil-każi ta’ vjolenza fid-djar.

Fi Franza kien hemm żieda ta’ 36% fil-każi rrapportati ta’ vjolenza domestika u minn mindu ġie impost il-lockdown, żewġ nisa nqatlu. Il-Ministru tal-Ugwaljanza Franċiża, Marlène Schiappa, ħabbret li l-gvern se jħallas 20,000 kamra fil-lukandi għall-vittmi, kif ukoll tella’ madwar 20 ċentru ta’ sostenn fil-ħwienet il-kbar bil-għan li jgħin lil dawk in-nisa li jfittxu l-għajnuna fil-ħin li joħorġu mid-dar biex jagħmlu l-qadi essenzjali.

* Persuni li jinsabu fi kriżi bi ħsibijiet ta’ suwiċidju jistgħu jagħmlu kuntatt mal-Crisis Resolution Malta fuq 9933 9966 jew fuq il-paġna tagħhom tal-Facebook; 

* Il-vittmi ta’ vjolenza domestika jistgħu jirrikorru għall-għajnuna fuq in-numru tat-telefon 179;

* Min għandu problemi relatati ma’ abbuż ta’ droga jew fi bżonn ta’ gwida għal raġunijiet oħra, jista’ jagħmel kuntatt mal-Caritas Malta fuq 2590 6600 jew mal-Appoġġ fuq 2295 9000.

Sport