Sunday, December 22, 2024

… U ISSA X’SE JIĠRI?

Aqra wkoll

L-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u dawk tal-Kunsilli Lokali ġew u marru. Ir-riżultati huma dawk li huma, riżultati li ovvjament iqajmu diskussjoni. Illum se nitratta dawk tal-Parlament Ewropew, peress li sakemm qed nikteb għadhom ma ħarġux uffiċjalment ir-riżultati finali tal-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Għal skop ta’ statistika għandu jingħad li Voti Reġistrati, u allura eliġibbli biex jivvotaw, kien hemm 370,184. Minn dawn intefgħu fil-Kaxxi tal-Voti 270,142 li jfisser 73%. IMMA JFISSER UKOLL li kien hemm 100,042 bejn voti li ma nġabrux u voti li ma ġewx ivvotati, nies li nhar it-8 ta’ Ġunju baqgħu d-dar. Mill-voti mitfugħa kien hemm 9,884 (3.7%) INVALIDI li jien konvint li l-maġġoranza extravaganti tagħhom ġew invalidati apposta. U allura Voti Validi kien hemm 260,258 (96.3%) vot.

Minn dawk il-Voti Validi l-Partit Laburista kiseb 117,805 (45.26%) filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kiseb 109,351 (42.02%). Ifisser li l-Partit Laburista, għal darb’oħra, rebaħ l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew b’maġġoranza ta’ 8,454 vot. Il-ħames rebħa konsekuttiva għall-Partit Laburista u l-ħames telfa konsekuttiva għall-Partit Nazzjonalista. Għalija dawk huma l-voti solidi ta’ kull partit. X’wirtu tul it-triq, minkejja l-importanza li jista’ jkollu, għalija mhux daqshekk importanti anke jekk jista’ jirrifletti fuq in-numru ta’ siġġijiet li jinkisbu. Għalija l-aktar li jgħodd huwa lil liema partit tingħata l-ewwel preferenza tal-vot. Jista’ jkun li żbaljat, imma jien hekk nemmen.

Ħalli nimxi pass pass. Li jkollok 100,042 vot li ma sarx użu minnhom għandu jkun ta’ uġiegħ ta’ ras għal kulħadd. L-akbar interess tiegħi huwa fil-Partit Laburista. Nemmen bis-sħiħ li l-maġġoranza ta’ dawn li kieku vvutaw il-vot tagħhom kien imur għand il-Partit Laburista. Nippretendi li l-Partit Laburista jmissu DIĠÀ qed jaħdem fuq din iċ-ċifra enormi fid-daqs u fil-gravità.

Biex ikollok stampa akbar tas-sitwazzjoni naħseb li jkun tajjeb li wieħed iqabbel l-istess affarijiet ma’ dak li kien irriżulta fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew preċedenti, dik tas-sena 2019, almenu fejn jirrigwarda l-ewwel preferenza. F’dik l-elezzjoni l-Partit Laburista kien kiseb 141,267 vot (54.29%) filwaqt li l-Partit Nazzjonalista kien kiseb 98,611 vot (37.9%). Il-maġġoranza favur il-Partit Laburista kienet ta’ 42,656 vot. Maġġoranza li tul mixja ta’ ħames snin ċkienet b’34,202 vot.

Mela l-Partit Laburista naqqas l-ammont ta’ voti bi 23,462 filwaqt li l-Partit Nazzjonalista żied l-ammont ta’ voti b’10,740. U allura lill-Partit Nazzjonalista ma tlumux li feraħ minkejja li reġa’ tilef l-Elezzjoni meta tqis li d-differenza bejniethom tnaqqset bil-mod kif tnaqqset.

Il-Partit Laburista għandu ħafna xogħol x’jagħmel. Nippretendi li bħala Gvern għandu jdur mal-mejda u jagħmel awtopsja u jara x’wassal għal dak ir-riżultat minkejja l-ġid kollu li sar. U meta ngħid ġid ma jfissirx miżuri ta’ qrib l-elezzjoni. Dawk wara kollox huwa obbligu li jwettaqhom għax hekk kien imwiegħed. It-twettiq ta’ Manifest Elettorali QATT m’hu bżar fl-għajnejn. Huwa twettiq ta’ dmir. Nippretendi li kull Ministru jmur quddiem il-mera u jistqarr magħha fejn JEMMEN u fejn JAF li naqas lill-elettorat. Nippretend li kull Ministru jara jekk hux kulħadd qed jiġbed l-istess ħabel. Jekk għandux madwaru min jaħseb li hu ogħla mill-Ministru nnifsu. Jekk il-mod kif ikun trattat il-kostitwent hux dak ideali, jew jekk il-kostitwent iħossx li hemm min qed jgħaddih biż-żmien. Li jibagħtu mingħand Qajfas għal għand Pilatu.

Ma ngħidx li m’hemmx min jippretendi dak li ma jkollux dritt għalih, IMMA lil dawn l-individwi għandu jkun spjegat lilhom għala ma jistax jingħata dak li jkun qed jippretendi. U mhux inwaħħlu f’xi ħadd u ngħidulu li “provajt naqdik imma hemm DAK/DIK li qiegħed/qegħda iżomm l-affarijiet milli jimxu.” Għandu jinżamm quddiem għajnejn kulħadd li l-obbligi qegħdin hemm għal kulħadd. M’għandux ikun hemm min jippretendi li xi ħadd jaqbeż il-parametri u jissogra karriera. Nafu aktar minn biżżejjed li dawn l-affarijiet ġraw u min finalment kien ħati għax OBDA fejn ma kellux jobdi spiċċa ħażin u ħażin mhux ftit. Hemm min tilef karriera kawża t’hekk. Il-politiku għasfur tal-passa. Illum hawn u għada mhux.

M’għandux jitwiegħed l-ilma jiżfen u mbagħad wara li tgħaddi l-elezzjoni flok jiżfen l-ilma jitħalla l-individwu jiżfen waħdu. Konvint li fil-Partit Laburista hemm aktar minn biżżejjed li dawn l-affarijiet jafhom. Konvint ukoll li jekk hemm ir-rieda fadal żmien biżżejjed biex dawk urtati, dawk li baqgħu d-dar għax finalment jemmnu fil-Partit Laburista, għax li ma kienx hekk kieku kienu jmorru jivvutaw lil ħaddieħor, ikunu rkuprati.

Ma’ dan inżid ukoll li għandu jkun mistħarreġ jekk hux kulħadd qed jaqdi dmiru lejn iċ-ċittadin. Jekk hemmx min b’mod sottili qed jagħmel il-ħsara. Għal-lum nieqaf hawn.

[email protected]

B’difiża għall-Għawdxin

Dardruni ċerti kummenti fuq Facebook fil-konfront tal-Għawdxin wara li rriżulta li nhar is-Sibt, 8 ta’ Ġunju l-Partit Laburista tilef il-maġġoranza f’Għawdex. Għax bħal donnu Għawdex kien l-uniku distrett li fih il-Partit Laburista ma marx kif xtaq u kif stenna! Ngħid għalija stennejt aħjar minn kull distrett għax il-ġid li sar taħt Gvernijiet Laburisti ma sarx għal distrett jew distretti partikolari. Sar għall-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Forsi min wasal biex jikteb il-kummenti li kiteb fuq Facebook fil-konfront tal-Għawdxin ma jafx li Għawdex hemm madwar KWOTA elettorali fuq bażi ta’ distrett ta’ votanti Maltin li għandhom il-vot tagħhom reġistrat hemm. Jien wieħed minnhom. Mhux qed nitkellmu fuq għexieren ta’ voti ‘Għawdxin’ li fil-verità huma Maltin. Qegħdin nitkelmu fuq ELUF ta’ voti.

Bit-tip ta’ raġunament li sar fuq Facebook, flok nirrikonoxxu li x’imkien hemm problema u allura l-ewwel għandna naraw x’inhi l-problema u nipprovaw insolvuha, qegħdin naraw fuq min se nitfgħu t-tort.

Ekonomija

Sport