Sunday, November 24, 2024

Unions u assoċjazzjonijiet igawdu minn fondi għas-soċjetà ċivili

Aqra wkoll

Numru ta’ unions, konfederazzjonijiet u assoċjazzjonijiet lokali se jgawdu minn fondi maħsubin għas-soċjetà ċivili permezz tas-Civil Society Fund, immexxi mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Din l-assistenza finanzjarja għandha l-għan li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ dawn il-unions u assoċjazzjonijiet f’fora Ewropea u internazzjonali. Dan jinkludi kollaborazzjoni ma’ għaqdiet barranin, inkluż sħubija f’networks, konfederazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, attendenza f’konferenzi u laqgħat, u kif ukoll taħriġ fuq dimensjoni Ewropea. Il-UĦM Voice of the Workers, il-General Workers’ Union, il-Malta Chamber of SMEs, il-Malta Employers’ Association u l-Forum Unions Maltin se jgawdu minn €58,000 kull wieħed sabiex isaħħu l-parteċipazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom b’mod sħiħ fuq skala Ewropea u internazzjonali.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli qalet li l-kontribut tal-unions huwa magħruf biżżejjed. “Huma ħoloq f’katina waħda, b’kull ħolqa essenzjali,” sostniet il-Ministru Farrugia Portelli hi u tisħaq li l-parteċipazzjoni tagħhom f’oqsma barranin, partikolarment dawk Ewropej, dejjem kienet ta’ kontribut u dejjem kienet ta’ ġid għal pajjiżna. Qalet li hi konvinta li l-fondi provduti se jkunu ta’ għajnuna siewja biex titkattar il-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti barranin u aktar u aktar biex jingħata taħriġ biex parteċipazzjonijiet bħal dawn jissaħħu.

Gertrude Buttigieg, iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, qalet li huwa importanti ħafna li nkomplu nsostnu lil dawn l-entitajiet, li qegħdin jagħtu vuċi lil ħafna ċittadini permezz tax-xogħol tagħhom fid-diversi setturi rispettivi tagħhom. B’hekk, dawn ikomplu jsaħħu din il-vuċi mhux f’Malta biss iżda anke f’fora Ewropej fejn ħafna drabi jkunu anki qed jiġu diskussi u jittieħdu deċiżjonijiet li jħallu impatt fuq Malta. Mauro Pace Parascandalo, Kap Eżekuttiv tal-Kunsill, stqarr li aspett importanti ta’ dan il-fond huwa wkoll it-taħriġ u t-tisħiħ tal-ħiliet, ħalli b’hekk bħala pajjiż inkomplu nsaħħu mhux biss l-organizzazzjonijiet igawdu minn dawn il-fondi, imma anke l-membri tagħhom, li fil-parti l-kbira tagħhom huma ħaddiema mill-oqsma kollha tal-ħajja, igawdu wkoll.

Sport