Sunday, December 22, 2024

White Paper biex jissaħħaħ it-trattament xieraq tal-annimali

Aqra wkoll

Il-Ministru Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said varaw white paper għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-leġislazzjoni ta’ grooming ta’ annimali domestiċi, pet sitting, pet boarding u tgħammir tal-klieb.

Dan id-dokument jipproponi bidliet leġislattivi għar-regolamentazzjoni tas-servizzi relatati mal-kura tal-annimali u t-tgħammir ta’ annimali.

Fl-2022, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda dokument ta’ konsultazzjoni biex jiġbor informazzjoni mill-pubbliku u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti sabiex tiġi mfassla Strateġija Nazzjonali għat-Trattament Xieraq u t-tgħammir ta’ annimali. Mill-konsultazzjoni li saret ħareġ ċar il-bżonn ta’ aktar bidliet leġislattivi biex jissaħħaħ it-trattament xieraq tal-annimali.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tkellem dwar l-importanza tal-konsultazzjoni u d-djalogu, sabiex illum qed titnieda din il-white paper li se tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-Gvern favur id-drittijiet tal-annimali. “Dak li nwegħdu għandna l-kredibbiltà li nwettquh, u dak li qed naraw illum. Smajna l-karba ta’ dawk involuti u se naraw li nirregolaw aktar il-qasam tal-kura tal-annimali,” tenna l-Ministru Refalo.

Il-Ministru għamel referenza wkoll għal numru ta’ miżuri li ġew imħabbra f’dawn l-aħħar xhur, fosthom ir-riforma fid-Direttorat għall-ħarsien tal-annimali, kampanja nazzjonali tan-neutering, żieda fil-bajjiet li fihom jistgħu jgħumu l-klieb, fost oħrajn. Huwa temm billi appella lill-pubbliku sabiex ikun parti minn din il-konsultazzjoni pubblika.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said spjegat li l-Gvern għaddej b’ħidma li se twassal għal strateġija nazzjonali għall-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali li se tinkludi standards stabbiliti għall-breeders, trainers, groomers u pet sitters.

Hija ħabbret ukoll li ser isiru żewġ laqgħat konsultattivi, fis-16 ta’ Ottubru f’Għawdex, u fis-17 ta’ Ottubru f’Malta. Hija ħeġġet lil dawk il-persuni li għandhom għal qalbhom il-ħarsien tal-annimali sabiex jissottomettu l-fehmiet tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari temmet tgħid li din hi wegħda elettorali oħra li se tkun qed titwettaq fejn, flimkien mal-pubbliku u negozji li għandhom konnessjoni mas-servizzi relatati, se tkun qed issir il-bidla neċessarja għall-aħjar tal-annimali.

Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa aċċessibbli online: https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/L-0016-2023.aspx. Il-pubbliku u l-organizzazzjonijiet huma mistiedna jibagħtu s-sottomissjonijiet tagħhom dwar dan id-dokument fuq: [email protected]. Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu sa mhux aktar tard mit-Tnejn, 6 ta’ Novembru 2023 (12:00PM). Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel lid-Dipartiment għall-Ħarsien u l-Kura tal-Annimali fuq 23397040 jew 23397054.

Ekonomija

Sport