Thursday, April 18, 2024

Wirt f’ġojjelli privati tar-Reġina Eliżabetta II

Aqra wkoll

Ir-Reġina Eliżabetta II ħalliet din id-dinja fit-8 ta’ Settembru 2022. Kif seħħet din il-mewta bdew jiġu trasferiti għadd ta’ titli prestiġġjużi fost il-membri tal-familja rjali Ingliża inkluż dak ta’ binha l-kbir u s-suċċesssur tagħha, ir-Re Charles III.

Barra t-titli, il-werrieta tar-Reġina se jgawdu mill-affarijiet materjali tagħha fosthom il-kollezzjoni famuża ta’ ġojjelli tal-monarkija, li għalkemm dan it-“teżor” nazzjonali jista’ jintuża, m’huwiex proprjetà permanenti ta’ min jilbishom. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni hija kompletament differenti meta nitkellmu dwar il-kollezzjoni privata ta’ ġojjelli li kellha l-istess Reġina.

Esperta tal-familja rjali, Katie Nicholl, f’intervista ma’ “Entertainment Tonight” tkellmet proprju dwar dan fejn l-ewwel membru li semmiet kienet ir-Reġina Konsorti Camilla, mart ir-Re Charles III. Nicholl spjegat li din hija kwistjoni ta’ ġerarkija u r-Reġina Konsorti fil-verità hija l-ewwel persuna li tista’ tagħżel xi trid mid-deheb u ġojjelli li kellha r-Reġina Eliżabetta II. 

Warajha jkun imiss bi dritt lill-Prinċipessa ta’ Wales, Kate Middleton mart il-Prinċep William neputi tar-Reġina. Mentri, id-Dukessa ta’ Sussex, Meghan Markle, jingħad li minkejja kollox, hija xorta waħda se jkun imissha xi ġojjelli iżda wara li ħafna nisa oħra fil-familja rjali jagħżlu qabilha.

Kollezzjoni misterjuża

Mistoqsija x’inhija d-differenza bejn il-kollezzjoni privata tar-Reġina u l-ġojjelli tal-monarkija, din l-esperta qalet li l-akbar differenza hija dik li l-ġojjelli tal-monarkija huma proprjetà tan-nazzjon aktar milli tal-individwi li jilbsuhom. Nicholl qalet li differenza oħra bejniethom hija dik li l-kollezzjoni nazzjonali hija dokumentata mentri l-kollezzjoni privata hija aktar “misterjuża”. 

Hija spjegat li, “dawn tal-aħħar huma rigali li ngħataw lir-Reġina tul is-snin li kienet il-kap tal-familja rjali iżda l-ġojjelli tal-monarkija huma tal-monarkija. Dawn jgħaddu minn monarka għall-ieħor imma jibqgħu tan-nazzjon. Allura, teknikament, dawn huma tal-monarkija u l-monarka li jużahom ma jistax jaqbad u jaħrab bihom. Dawn huma miżmuma taħt sigurtà stretta fit-Torri ta’ Londra u meta l-monarka jmut jew tmut, din il-kollezzjoni tgħaddi għall-użu mill-eredi tagħha”.

Nicholl qalet li minħabba li mhuwiex magħruf eżattament f’hiex tikkonsisti din il-kollezzjoni privata ta’ ġojjelli u deheb tar-Reġina, ħadd ma jaf eżattament il-valur monetarju tagħha. L-esperta qalet li l-kollezzjoni tal-monarkija għandha valur bil-biljuni iżda li jagħtu stima tal-ammont ta’ kemm tiswa dik privata hija diffiċli ferm. Dan għall-fatt ewlieni li ma jafux eżattament xi bċejjeċ hemm fil-kollezzjoni msemmija. 

“M’hemmx prezz għal ġojjelli b’valur sentimentali u storiku kbir”

Nicholl żiedet tistaqsi, “barra minnhekk, kif tista’ tagħti stima ta’ kemm tiswa xi ħaġa li forsi ngħatatilha minn mexxej dinji jew re jew reġina 40-50 sena ilu? Dawn ir-rigali għandhom valur kbir għax huma żgur ta’ valur storiku sinjifikati. Diffiċli ħafna li tagħti stima tal-prezz li jiswew”. Hija qalet li negozjanti tad-deheb jistgħu jaraw xi ġojjelli li kienet tilbes fuq ritratti li tteħdulha bhom imma xorta waħda dawn qatt ma jistgħu jaslu għal prezz reali tagħhom. Hija sostniet li, “m’hemmx prezz għal ġojjelli b’valur sentimentali u storiku kbir”.

Rigward liema huwa l-aktar ġojjell prezzjuż fil-kollezzjoni privata tar-Reġina Eliżabetta II, din l-esperta tal-familja rjali Ingliża semmiet iċ-ċurkett tal-għerusija li l-Prinċep Philip kien ta lil Eliżabetta fit-8 ta’ Lulju, 1947. Dan kien ċurkett bi djamant kbir li jingħad li kien ittieħed minn tiara li kellha ommu – il-Prinċipessa Alice ta’ Battenberg. 

Nicholl qalet li l-membru femminili fil-familja rjali li se jkollha l-privileġġ li tilbes dan iċ-ċurkett partikolari żgur li se tkun iffortunata ħafna. Hija personalment taħseb li dan l-unur se jmiss lill-Prinċipessa Charlotte, bint il-Prinċep William iżda konferma ta’ dan tista’ tingħata biss fil-futur.

Ekonomija

Sport