Friday, April 24, 2026

Xjenza Malta tospita l-ESA Industry Days 2026 biex issaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fis-settur spazjali

Aqra wkoll


Xjenza Malta qed tospita l-ESA Industry Days 2026 bejn it-22 u l-24 ta’ April, avveniment organizzat f’kollaborazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA). Din l-inizjattiva laqqgħet flimkien partijiet ikkonċernati ewlenin bl-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali u ssaħħaħ is-sħubijiet strateġiċi fis-settur spazjali Ewropew.

Il-konferenza ewlenija, li qed issir bejn it-23 u l-24 ta’ April fil-lukanda Phoenicia, qed tlaqqa’ flimkien delegazzjonijiet minn aktar minn 9 ESA PECS u Stati Membri Assoċjati. Il-programm jinkludi preżentazzjonijiet u diskussjonijiet dwar suġġetti rilevanti għall-ESA, l-industrija u s-sħab internazzjonali, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri Kooperattivi u Assoċjati. Il-parteċipazzjoni tkopri entitajiet tal-gvern, mexxejja tal-industrija, SMEs, negozji ġodda u istituzzjonijiet tar-riċerka, u b’hekk qed tiżgura rappreżentanza wiesgħa fl-ekosistema spazjali.

Disa’ kumpaniji privati Maltin ipparteċipaw b’mod attiv, fatt li jirrifletti l-involviment dejjem jikber ta’ Malta f’dan is-settur. Il-preżentazzjonijiet tal-kumpaniji ngħataw minn rappreżentanti minn Malta, il-Latvja, il-Litwanja, is-Slovakkja, Ċipru, il-Kroazja u l-Bulgarija, li wrew firxa wiesgħa ta’ għarfien espert u innovazzjoni. Matul il-konferenza, ġie ppreżentat ukoll il-proġett tal-Malta Space Park, li rċieva feedback pożittiv ħafna mill-komunità Ewropea.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti enfasizza l-impenn ta’ Malta f’dan il-qasam strateġiku. “L-organizzazzjoni tal-ESA Industry Days 2026 tirrifletti l-impenn dejjem jikber ta’ Malta għas-settur spazjali u r-rwol tagħha bħala sieħeb kollaborattiv u li jħares ‘il quddiem fl-ekosistema spazjali Ewropea. Malta determinata li ssaħħaħ ir-rwol tagħha fir-riċerka u l-iżvilupp ekonomiku f’dan il-qasam.”

Omar Cutajar, Senior Director fi Xjenza Malta, żied jgħid li “Dan l-avveniment huwa xhieda tal-progress miksub fit-tfassil ta’ profil ta’ Malta bħala attur emerġenti. L-implimentazzjoni tal-ewwel Strateġija Spazjali ta’ Malta 2022–2027 qed tagħti riżultati tanġibbli b’aktar kollaborazzjonijiet internazzjonali permezz tal-arranġament tal-PECS mal-ESA u sħab oħra fl-UE.”

Waqt il-ftuħ tal-konferenza, Dr Jennifer Ngo-Anh mill-Agenzija Spazjali Ewropea, stqarret li, “Inħarsu ‘l quddiem li naraw il-konverżazzjonijiet u l-kollaborazzjonijiet li se joħorġu mill-attivitajiet ta’ dan l-avveniment. Flimkien, ejjew nibnu komunità spazjali Ewropea aktar b’saħħitha, aktar konnessa u aktar innovattiva.”

L-avveniment ra parteċipazzjoni internazzjonali qawwija li tgħolli l-profil ta’ Malta fis-settur spazjali Ewropew filwaqt li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-partijiet ikkonċernati lokali u s-sħab internazzjonali.

Waqt l-ESA Industry Days 2026 se jkun hemm ukoll serje ta’ avvenimenti anċillari ta’ netwerking li jipprovdu opportunitajiet ġodda għal aċċess għal networks u finanzjament Ewropew, filwaqt li jafferma mill-ġdid l-impenn tal-Gvern għat-tkabbir f’setturi ta’ valur għoli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport