L-edizzjoni tal-2024 ta’ The Malta Boat Show ġiet imnedija aktar kmieni llum minn Yachting Malta bl-appoġġ tal-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Xogħlijiet Pubbliċi. Din se ssir bejn il-31 ta’ Ottubru u t-3 ta’ Novembru f’Dock 1, Bormla.
Il-Malta Boat Show għandha l-potenzjal li tkun vetrina marittima li tiġbed l-attenzjoni lejn il-komunità marittima dejjem tikber f’Malta. Fl-isfond storiku tas-swar f’Bormla, l-avveniment ser jenfasizza t-tradizzjoni marittima ta’ pajjiżna u jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala attur ewlieni fix-xena marittima fil-Mediterran.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett esprima l-entużjażmu tiegħu dwar il-potenzjal tal-avveniment. “Malta dejjem kienet sinonima mal-baħar, u dan il-qasam huwa pilastru ekonomiku importanti għal pajjiżna. Il-Malta Boat Show huwa xhieda ta’ dan l-impenn biex niżviluppaw u nkabbru s-settur marittimu. Ninsabu ħerqana li naraw The Malta Boat Show tikber u tattira rikonoxximent internazzjonali sabiex inkomplu nippożizzjonaw lil Malta bħala d-destinazzjoni tal-għażla għall-komunità internazzjonali marittima,” sostna l-Ministru.
Bormla, il-post magħżul, għandu sinifikat storiku u wirt marittimu. Il-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna fil-Mediterran sservi bħala ċentru ta’ attività nawtika u The Malta Boat Show tfittex li tibni fuq dak il-wirt billi trawwem konnessjonijiet bejn mexxejja tal-industrija, dilettanti tad-dgħajjes, u professjonisti fil-qasam marittimu.
Iċ-Chairman ta’ Yachting Malta, Chris Agius tkellem dwar is-sinifikat ta’ The Malta Boat Show, filwaqt li nnota li r-rispons tal-industrija kien wieħed pożittiv ħafna, b’entużjażmu qawwi mill-esebituri. Huwa saħaq li The Malta Boat Show hu avveniment li mhux biss jippromwovi l-wirt marittimu Malti iżda wkoll juri l-iżviluppi dinamiċi li qed iseħħu fl-industrija lokali tagħna. “Ninsabu fiduċjużi li dan l-avveniment se jikber, u jsir appuntament importanti fil-kalendarju ta’ kumpaniji u ditti internazzjonali. Konvinti li The Malta Boat Show ser ipoġġi lil Malta fuq quddiem fid-dinja marittima fil-Mediterran. ”
B’ħarsitha lejn il-futur, Yachting Malta diġà qed tippjana għal tkabbir ulterjuri, bl-ambizzjoni li l-avveniment jikber biex ikun fuq l-istess livell ta’ wirjiet oħrajn rinomati madwar id-dinja. B’enfażi fuq il-pożizzjoni unika ta’ Malta bħala ċentru tal-jottijiet fil-Mediterran, l-edizzjonijiet futuri se jimmiraw biex jattiraw udjenza internazzjonali usa’.
The Malta Boat Show se tkun miftuħa għall-pubbliku mill-31 ta’ Ottubru sat-3 ta’ Novembru. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb online permezz tas-sit elettroniku: https://yachtingmalta.org/the-malta-boat-show/