Surġent u Kuntistabbli li kienu fuq ronda, irnexxielom jisfrattaw serqa u arrestaw żewġt irġiel minn ħanut li jinsab fi triq il-Maskli, San Pawl il-Baħar, aktar kmieni dalgħodu għall-ħabta tat-3.00am.
L-uffiċjali li kienu fuq ronda fiż-żona, semgħu xi għajjat ġej mill-ħanut u marru jiġru fejn innutaw żewġ persuni li dak il-ħin kienu qegħdin iwettqu serqa. L-uffiċjali minnufih ordnawlhom biex ineħħu l-armi minn idejhom u jobdu l-ordnijiet li jingħatawlhom.
Wieħed mill-irġiel obda għall-ordnijiet tal-Pulizija filwaqt li l-persuna l-oħra ħarbettiġri l-ġewwa fil-ħanut stess. Immedjatament waslu uffiċjali oħra li bdew bit-tfittxija għar-raġel, fejn wara ftit instema ħoss ġewwa l-maħżen tal-ħanut. Dak il-ħin ir-raġel intlemaħ waqt li kien qiegħed jissielet mal-bieb tal-garaxx tal-istess maħżen. Kien hawn li huwa prova jerġa jaħrab lejn l- entratura tal-ħanut u ġie mwaqqaf mill-Pulizija.
Tim mediku wasal fuq il-post sabiex jassisti liż-żewġ ħaddiema; mara ta’ 29 sena residenti l-Imsida u raġel ta’ 44 sena residenti San Pawl il-Baħar. Dan tal-aħħar kien ġarrab xi ġrieħi permezz ta’ arma li taqta u bil-ponta wara li wieħed mill-ħallelin għamillu l-arma ma’ dahru.
Aktar tard huwa kien iċċertifikat bi ġrieħi ħfief filwaqt li l-mara ma’ ġarrbet l-ebda ġrieħi.
Minnufih ġiet infurmata il-Maġistrat tal-Għassa Dr Caroline Farrugia Frendo LL.D li ħatret inkjesta filwaqt li l-Investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.