Tuesday, April 21, 2026

Żjara tal-Arċisqof fil-GWU tenfasizza l-valur tas-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali

Aqra wkoll

L-Arċisqof Charles Scicluna żar il-Workers’ Memorial Building, fejn iltaqa’ mal-amministrazzjoni ċentrali, is-Segretarji u uffiċjali oħra tal-General Workers’ Union (GWU), kif ukoll mal-ħaddiema u żar il-kamra tal-aħbarijiet tal-Union Print.

Is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja ddeskriva din iż-żjara bħala sinjal ċar li d-dinja tax-xogħol u l-valuri spiritwali jistgħu jimxu flimkien. Huwa saħaq li permezz ta’ din il-kollaborazzjoni tista’ tinbena soċjetà aktar ġusta, umana u solidali, speċjalment fi żmien ta’ bidliet kbar.

Fl-indirizz tiegħu, l-Arċisqof faħħar il-ħidma kontinwa tal-GWU fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq l-appoġġ lill-ħaddiema minn pajjiżi terzi. Huwa enfasizza li d-dinja tax-xogħol qed tinbidel b’mod rapidu minħabba t-teknoloġija u l-Intelliġenza Artifiċjali, u li dan jeħtieġ adattament kontinwu. Madankollu, sostna li dawn il-bidliet għandhom ikunu mibnija fuq pedamenti etiċi li jħarsu d-dinjità tal-bniedem, u li jagħtu futur sigur lill-ħaddiema.

L-Arċisqof tkellem ukoll dwar il-kunċett tal-paga, fejn spjega li din m’għandhiex tkun biss ħlas għax-xogħol, iżda mezz li jippermetti lill-ħaddiem jgħix b’dinjità, jieħu ħsieb lill-familja tiegħu u jippjana għall-futur. Barra minn hekk, irrefera għas-sitwazzjoni demografika ta’ Malta, b’rata baxxa ta’ twelid, u sostna li hemm bżonn li jinħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw lill-familji biex ikollhom l-ulied.

Min-naħa tiegħu, Bugeja enfasizza li s-soċjetà qed taffaċċja żieda fl-individwaliżmu, fejn aktar nies qed jiffukaw fuq l-“jien” aktar milli fuq l-“aħna”. Huwa wissa li dan jista’ jhedded il-valuri fundamentali li jżommu lis-soċjetà magħquda, bħas-solidarjetà, ir-rispett u s-sens ta’ komunità. Għalhekk, sostna li s-solidarjetà mhix għażla iżda obbligu morali u essenzjali għall-ġustizzja soċjali.

Huwa kompla jenfasizza l-importanza li jinżammu u jiġu mħarsa l-valuri Maltin bħall-familja u l-komunità, filwaqt li s-soċjetà tibqa’ miftuħa u rispettabbli lejn kulħadd. F’dan il-kuntest, huwa kkundanna b’mod ċar ir-razziżmu, u sejjaħ għal azzjoni kollettiva biex dan jiġi miġġieled bħala attakk dirett fuq id-dinjità tal-bniedem.

Is-Segretarju Ġenerali (designate) Kevin Camilleri żied li hemm element ta’ konverġenza bejn il-Knisja u t-trejdunjins, partikolarment fejn tidħol is-solidarjetà u d-djalogu. Huwa enfasizza li d-djalogu soċjali b’saħħtu huwa kruċjali biex il-ħaddiema jkomplu jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar.

Il-laqgħa ntemmet b’għoti ta’ tifkira lill-Arċisqof bħala rikordju ta’ din iż-żjara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport