“Is-sena 2025 kienet sena ta’ progress ċar u sostanzjali għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’pajjiżna. Kienet sena ta’ aktar riformi leġiżlattivi. Sena ta’ żieda drastika fl-infurzar. Sena ta’ tisħiħ istituzzjonali. U sena li fiha bdejna nitrattaw is-saħħa mentali u psikoloġika tal-ħaddiem bl-istess serjetà li biha ilna nittrattaw is-sigurtà fiżika tiegħu.”
Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard fil-Parlament meta ġiet diskussa l-mozzjoni dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għas-sena finanzjarja 2026.
Fl-istess diskussjoni ġie trattat ukoll ir-rapport annwali tal-Awtorità għas-sena preċedenti, bil-Ministru jgħid li fl-2025 sar progess sostanzjali biex ikompli jissaħħaħ il-qafas regolatorju f’pajjiżna. Qal li fis-7 ta’ Settembru li għadda daħlu fis-seħħ regolamenti ġodda tal-kostruzzjoni taħt avviż legali, liġi sussidjarja.
“Irrid inkun ċar. Għall-ewwel darba għandna qafas modern, ċar, proporzjonat u trasparenti li jirregola s-saħħa u s-sigurtà fis-siti ta’ kostruzzjoni tagħna. Ir-regolamenti ġodda jintroduċu protezzjoni aktar b’saħħitha fejn ħaddiema tagħna għandhom l-aktar bżonnha jiddefendixxu b’mod konkret l-irwol ta’ project supervisor, jintroduċu rekiwiżiti aktar b’saħħtihom dwar l-evalwazzjoni tar-riskju.
Il-Ministru Attard żied jgħid li liġi tajba trid tkun sostnuta minn infurzar tajjeb. “Fl-2025 l-Awtorità wettqet 23,711-il spezzjoni. Fl-2024 kienu saru 9,381 spezzjoni. Qed naraw differenza sostanzjali anke meta pparagunat mas-sena preċedenti.
“Differenza notevoli fejn f’sena waħda l-preżenza tal-Awtorità fuq is-siti tax-xogħol Maltin u Għawdxin aktar minn irduppjat. Mill-2021 sal-2025 in-numru ta’ spezzjonijiet żdied bi kważi sitt darbiet,” qal il-Ministru.
Huwa tenna jgħid li dawn l-ispezzjonijiet mhumiex kastig iżda huma prevenzjoni. Fil-fatt, il-maġġoranza kbira tal-ispezzjonijiet saru fuq bażi pro-attiva tal-awtorità mhux bħala reazzjoni għal xi inċidenti imma bħala mezz biex dawn jiġu evitati.
“Dan l-isforz wassal għal żieda sostanzjali fl-azzjonijiet ta’ infurzar inklużi stop orders u notices li juru li l-liġi qed tiġi applikata b’mod konkret fejn ikun hemm bżonn. Matul is-sena li għaddiet, ġew maħruġa aktar minn 2,500 ordni ta’ infurzar u titjib fis-settur tal-kostruzzjoni biss. Fis-setturi kollha, l-OHSA ħarġet 526 (ħames mija u sitta u għoxrin) Stop Order, 1,616 Improvement Notices u 2,759 Ordni.”
“U dawn l-istrumenti jeżistu għal raġuni waħda – biex post tax-xogħol isir konformi mal-liġi qabel ma ssir xi diżgrazzja. Dan mhux infurzar punitiv. Dan hu infurzar li jeduka u jipprevjeni.
“U r-riżultati huma kemm evidenti kif ukoll inkoraġġanti:
“Aktar minn 74% tas-siti tal-kostruzzjoni spezzjonati nstabu li għandhom livell adegwat ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Dan juri biċ-ċar l-effettività tal-isforzi ta’ monitoraġġ u ta’ prevenzjoni tal-OHSA.”
Prijoritajiet sostnuti minn miżuri konkreti
Il-Ministru Attard tenna li għaż-żmien li ġej, se jkomplu jinvestu fil-monitoraġġ tas-saħħa u s-sorveljanza f’setturi b’riskju għoli, partikolarment fejn hemm esponiment għal aġenti kimiċi u bijoloġiċi.
Dan filwaqt li se jintegraw aktar fil-fond il-ġestjoni tar-riskju psikosoċjali fil-prattika – fl-ispezzjonijiet, fit-taħriġ u fl-inizjattivi nazzjonali. Barra minn hekk, huwa qal li “se nkomplu nallinjaw ruħna mal-istandards Ewropej li qed jevolvu, permezz ta’ ingaġġ attiv u sostnut fil-livell tal-Unjoni Ewropea.”
“Dawn il-prijoritajiet se jkunu sostnuti minn miżuri konkreti. Fl-2026, diġa’ qed jiġi implimentat programm estiż ta’ trainees fuq 12-il xahar, li jgħaqqad tagħlim u esperjenza prattika. Regolamenti ġodda dwar ir-Rappreżentanti tas-Saħħa u s-Sigurtà se jitressqu għall-konsultazzjoni pubblika. Emendi regolatorji li jsaħħu l-protezzjoni kontra esponimenti perikolużi se jkomplu jissaħħu. Qed naraw ukoll investiment b’saħħtu fit-taħriġ bla ħlas għal min jaħdem għal rasu, għall-SME’s, għas-settur volontarju u soċjokulturali u għall-kunsilli lokali, bħala parti mill-miżuri tal-Baġit 2026.
“Fl-istess waqt, l-infurzar se jespandi f’setturi ġodda, filwaqt li r-riċerka u s-sistemi diġitali tal-Awtorità se jkomplu jsaħħu approċċ ibbażat fuq evidenza,” temm jgħid il-Ministru Attard.


