Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għamlet total ta’ 3,664 spezzjoni u ħarġet 385 multa għall-valur ta’ €147,000. Dan qalu l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li l-multi nħarġu għall-ksur ta’ diversi regolamenti ta’ saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol. Barra minn hekk, l-OHSA ħarġet 488 ordni biex jittieħdu miżuri, waqt li ħarġet 572 ordni biex jieqaf ix-xogħol sakemm l-affarijiet jiġu in regola.
Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, inbdew ukoll 137 akkuża waqt li l-OHSA rċeviet u evalwat 3,824 ċertifikat ta’ apparat u makkinarju biex ikun żgurat li jkunu siguri għall-użu.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi tenna wkoll li peress li l-proċeduri u l-verifiki fil-każ ta’ numru ta’ spezzjonijiet għadhom ma ngħalqux, ma jistax ikun eskluż li jinħarġu multi oħra jew jinbdew proċeduri legali f’numru ta’ każijiet oħra.