Monday, November 4, 2024

42,000 applikazzjoni għal Tallinja card f’xahar

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Issa li għadda l-perjodu li tista’ tapplika għal card b’xejn, bi pjaċir nista’ ngħid li l-inizjattiva kienet ta’ suċċess. F’temp ta’ xahar irċevejna aktar minn 42,000 applikazzjoni, ċifra li tagħtina iktar inkoraġġiment biex nkomplu nsaħħu u ninvestu fit-trasport pubbliku. Madwar 5,000 mill-applikazzjonijiet kienu għal tfal u aktar minn 3,500 kienu studenti, filwaqt li kważi 24,000 applikant kienu adulti. 70% ta’ dawn l-applikanti kienu Maltin.”

Ħabbar dan il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett f’kummenti ma’ Talk.mt, fejn iddeskriva dan ir-riżultat bħala “pass ‘il quddiem” lejn mobilità aktar sostenibbli u li tħares aktar lejn id-dimensjoni ambjentali hekk kif qed isir sforz u investiment b’saħħtu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet fl-arja.

Fuq dan il-binarju, huwa sostna li l-Gvern qed iħares ‘il quddiem lejn l-introduzzjoni ta’ aktar karozzi tal-linja elettriċi sabiex il-flotta tat-trasport pubbliku tkun iktar moderna u tirrifletti l-miri tal-gvern li jnaqqas il-carbon footprint tal-pajjiż ġejja mit-trasport.

“Il-pjanijiet futuri tagħna jinkludu wkoll iż-żieda ta’ karozzi tal-linja biex tiżdied il-kwalità u l-kwantità tas-servizz tagħna filwaqt li tiżdied il-frekwenza u r-regolarità tar-rotot. B’dan il-mod, aħna nkomplu ntejbu l-aċċessibbiltà u l-konvenjenza tat-trasport pubbliku għal kull min jużah,” huwa żied jgħid.

Il-Ministru Bonett semma wkoll kif f’dawn l-aħħar xhur ġew implimentati diversi miżuri oħra sabiex il-pubbliku jkun mħeġġeġ sabiex jersaq aktar lejn it-trasport pubbliku. Eżempju ċar huwa l-inizjattiva li biha s-servizzi tal-ferry bejn is-Sliema, il-Belt Valletta, u l-Cottonera saru bla ħlas għal dawk kollha b’Tallinja Card valida. Din l-iskema tikkumplimenta l-istrateġija tal-gvern li nieda s-sena l-oħra u li biha s-servizz tat-trasport pubbliku sar b’xejn.

“Dawn il-miżuri, apparti l-aspett ovju li jolqot l-mobilità urbana, kellhom għan sekondarju soċjali, għal dawk li jużaw is-servizzi tat-trasport pubbliku u li qed jikkumplimentaw u jikkoperaw mal-istrategija tal-gvern. Infatti, nestimaw, li b’dawn il-mizuri, kull min juża t-trasport pubbliku ta’ kuljum biex jivvjaġġa u jmur ix-xogħol, qed jibqagħlu f’butu ‘il fuq minn €500 li qabel kien qed jonfoq biex juza’ l-istess servizz.”

Huwa enfasizza wkoll l-impenn tal-Gvern lejn mobilità urbana aktar sostenibbli tilhaq ukoll l-użu tal-vetturi personali. “Lil pubbliku qed inċentivawh jagħmel il-qalba għall-vetturi elettriċi ġodda billi erġajna ndejna investiment ta’ €15-il miljun f’skemi għax-xiri ta’ dawn il-mezzi.

Fl-aħħar tliet snin dawn l-inċentivi ħallew riżultati impressjonanti. Meta tara ċ-ċifri, ir-rata ta’ vetturi elettriċi ġodda fit-toroq tagħna llum hija tletin darba aktar minn kemm kienet fl-2017. Sitt snin ilu, l-ammont ta’ karozzi elettriċi ġodda kien 115, filwaqt li sal-aħħar tas-sena l-oħra kienu aktar minn 3,700 li għażlu li jixtru karozza elettrika.”

“Għalhekk, dan ir-rispons b’saħħtu li qed naraw miċ-ċittadini lejn il-ħidma kontinwa tagħna biex nagħmlu s-servizz tat-trasport pubbliku aktar attraenti u s-suċċess tal-iskemi finanzjarji biex niggwidaw lill-Maltin lejn vetturi li jniġġsu inqas, jimlewni b’ottimiżmu li flimkien għad nilħqu l-miri tagħna għal mobilità urbana aktar moderna u sostenibbli,” temm jgħid il-Ministru Bonett. 

Sport