Sunday, December 22, 2024

69% tal-Maltin m’għandhomx diffikultà li jħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar

Aqra wkoll

L-istħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru li kien mifrux fost is-27 stat membru tal-Unjoni Ewropea bejn Frar u Marzu li għadda ħareġ bosta xejriet dwar iċ-ċittadini Ewropej inkluż Maltin. Dak li rriżulta mill-istħarriġ juri wkoll tendenzi kontrastanti bejn dak li jemmnu ċ-ċittadini Maltin u dak fl-UE.

Waħda minn dawn ix-xejriet kienet dik dwar is-saħħa finanzjarja jew id-diffikultajiet taċ-ċittadini biex iħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar. Filwaqt li l-medja Ewropea f’dan ir-rigward tilħaq it-63 fil-mija, fil-każ tal-Maltin dan jitla’ għal 69 fil-mija li stqarrew li qatt jew kważi qatt ma jsibu diffikultà biex iħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar.

Fil-perspettiva tal-Unjoni Ewropea bħala blokk, 36 fil-mija biss tal-Maltin huma kuntenti li l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba filwaqt li 30 fil-mija oħra jgħidu li la tajba u lanqas ħażina.

Dwar kif iħossuhom fil-ħajja personali tagħhom, 81 fil-mija tal-Maltin mistħarrġa jgħidu li b’mod ġenerali, l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba. Din il-figura hija 4 fil-mija aktar milli wera l-istħarriġ li sar bejn Settembru u Ottubru tas-sena li għaddiet. Fuq livell tas-27 pajjiż, 69 fil-mija biss taċ-ċittadini Ewropej jemmnu li l-affarijiet mexjin tajjeb.

Dwar kif taħdem id-demokrazija f’pajjiżna, 44 fil-mija huma sodisfatti filwaqt li 53 fil-mija stqarrew li mhumiex sodisfatti. F’dan il-kuntest, l-għadd ta’ dawk sodisfatti żdied b’4 fil-mija filwaqt li dawk mhux sodisfatti naqsu b’5 fil-mija. Fl-istess waqt, 52 fil-mija tal-Maltin stqarrew is-sodisfazzjon tagħhom għall-mod ta’ kif taħdem id-demokrazija fl-UE.

Dwar jekk il-vuċi tagħhom hix tinstema’ kemm fl-UE u kemm lokalment, 48 fil-mija tal-Maltin jemmnu li l-vuċi tagħhom tinstema fl-UE, 53 fil-mija jgħidu li l-vuċi tagħhom tgħodd f’pajjiżna u 70 fil-mija jemmnu wkoll li l-vuċi ta’ pajjiżna tgħodd fl-UE.

Ekonomija

Sport