Nhar il-Ħadd li għadda rriferejtek għad-Diskors tal-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono fl-okkażjoni ta’ Jum ir-Repubblika fit-13 ta’ Diċembru li għadda. Għidtlek li kien Diskors li fih wieħed x’jixtarr. Għidtlek ukoll li minn żmien għal żmien kont se nirrikorri għal dan id-Diskors u fil-fatt hekk għamilt il-Ħadd li għadda. U hekk se nagħmel illum. Imma llum b’differenza.
Illum se nikkwotalek parti oħra, bla ma nagħmel mistoqsijiet fuqha. Se nħallik tixtarr waħdek dwar dak kwotat. Il-President irreferietna għat-tnedija ta’ liġijiet intiżi biex iċ-ċittadin jiżdidulu t-toroq ta’ rikors, fejn iħossu milqut inġustament, u wkoll liġijiet sabiex ikun hemm aktar skrutinju u dixxiplina fit-tmexxija.
Il-President fakkritna li fl-1995 saret il-liġi li stabbilixxiet l-Uffiċċju tal-Ombudsman; fl-1997 saret il-liġi li pprovdiet għal ħatra ta’ Awditur Ġenerali u l-mod kif l-Awditur Ġenerali jirrapporta lill-Parlament filwaqt li fl-2017 iddaħħlet il-liġi li ħasbet għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards bis-setgħa li jinvestiga ksur ta’ dmirijiet statutorji jew etiċi ta’ kategoriji ta’ persuni fil-ħajja pubblika.
Dwar din l-aħħar istituzzjoni l-President tar-Repubblika qalet dan li ġej:
Wieħed jistaqsi kemm din l-istituzzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards, fil-fatt għandha s-snien neċessarji biex tkun għodda effettiva ta’ dixxiplina. Ħafna drabi l-perċezzjoni tal-Kumitat Parlamentari konness ma’ din l-istituzzjoni, hija illi l-Membri tiegħu jimxu fuq linji partiġġjani, fuq l-istruzzjonijiet tal-whips – f’dawn iċ-ċirkostanzi, għalhekk, ikun il-casting vote tal-Ispeaker li jiddetermina l-eżitu.
Iżda dawn l-istanzi jpoġġu taħt il-lenti l-pożizzjoni tal-Ispeaker. Wasal iż-żmien biex neżaminaw il-mod kif il-pożizzjoni tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati tkun aktar b’saħħitha? Ngħid dan li ġej biex ikun hemm lok għar-riflessjoni. Pereżempju, jinħatar b’maġġoranza sempliċi biex tkun evitata li tiġi stallata l-għażla, iżda t-tneħħija tkun deċiżjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra.
Malta qed ikollna inċidenzi ta’ aġir li żgur mhux etiku, drabi oħra mhuwiex onest u m’huwa xejn denju ta’ min il-poplu eleġġih biex jirrappreżentah.
Ir-rispett lejn l-istituzzjonijiet jogħla u jinżel skond l-aġir ta’ min jokkupa l-pożizzjoni. Il-Membri Parlamentari huma responsabbli kollettivament u individwalment għall-istampa li ċ-ċittadini jaraw quddiemhom meta tissemma’ l-kelma ‘Parlament’.
Mhux sewwa li kulħadd jintefa’ f’keffa waħda, u min ma jeżerċitax galbu u onestà mhux qiegħed jonqos biss lejn il-poplu, imma qiegħed jonqos wkoll lejn il-membri l-oħra tal-Parlament li huma onesti u integri, u nżid, jonqos ukoll lejh innifsu.
Nibqa’ ngħid illi anqas ma r-rappreżentanti tal-poplu jagħtuh x’jagħmel lill-Kummissarju tal-Istandards, aktar ikun jistħoqqilhom it-titlu ta’ ‘Onorevoli’.
Kif għidtlek fil-bidu, se nħallik tixtarr waħdek dwar dak kwotat.
[email protected]
Manwel Micallef taħt bumbardament
Nhar is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra, 28 ta’ Diċembru, 2024, bħal tista’ tgħid ħafna Sibtijiet oħrajn, segwejt parti sewwa mill-programm ta’ Manwel Micallef fuq l-istazzjonijiet ONE, Sibt il-Punt. Il-preżentatur kellu miegħu lill-Ministru Chris Bonett u lid-Deputata Laburista Naomi Cachia. Għal xi ħin il-preżentatur fetaħ il-linji għas-semmiegħa.
Ma naħsibx li nkun żbaljat jew inkun qed nesaġera meta ngħid li fit-telefonati kien hemm bumbardament sħiħ. Sentiment ta’ rabja. Ta’ diżappunt. Ta’ dispjaċir. Laburisti jilmentaw li mhux qegħdin jingħataw widen. Li m’hemmx min jismagħhom. Li l-bibien tagħhom jitħabbtu biss meta toqrob l-elezzjoni. Li flok jingħataw widen qegħdin iħossu li hemm min ikun qiegħed jgħaddihom biż-żmien.
Għaliex għandu jkun hemm dan is-sentiment kunsidrat il-ġid li sar minn Gvernijiet Laburisti? Għaliex qegħdin inħallu lil min jagħmel ħsara b’attitudni żbaljata? Għaliex qegħdin inħallu lil min inġustament isawwat lil ħaddiema Laburisti? Possibbli bqajna ma tgħallimna xejn mit-tbeżbiża ta’ Ġunju li għadda? Possibbli li se nibqgħu nħallu lil min idaħħalna fil-ħajt?
Nieqaf hawn għax naħseb li jkun aħjar!
Ġurnalist żleali u malinn tal-PN
Ma niddejjaq xejn li l-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista jikkwotaw mill-kitba tiegħi ta’ kull nhar ta’ Ħadd f’din il-gazzetta meta jidhrilhom li jistgħu jinqdew b’kitbieti biex jattakkaw lill-Gvern Laburista. Imma meta jagħmlu dan għandhom ikunu leali lejn dak li jikkwotaw bla ma jattribwixxu affarijiet li ma nkunx ktibt. M’għandhomx ikunu malinni.
Eżempju riċenti ta’ aġir bħal dan kien fil-mod kif ġurnalist tal-ġurnal Nazzjonalista ‘In-Nazzjon’, Matthew Polidano, nhar it-Tnejn li għadda pprova jinqeda b’dak li ktibt jien hawnhekk nhar il-Ħadd li għadda. Attribwieli konklużjonijiet li jien fl-ebda mod ma wasalt għalihom. Imnejn ġabhom ma nafx. B’li għamel Matthew Polidano pprova jqarraq bil-qarrejja tar-rapport tiegħu meta jaf li l-qarrej seta’ faċilment jara l-artiklu tiegħu u jara li Polidano pprova jqarraq bih.
Lil Matthew Polidano ma nafux minn Adam, imma nappellalu li jekk irid jagħmel karriera fil-ġurnaliżmu l-ewwel ħaġa li jrid jitgħallem hi li jkun ONEST u ma jattribwixxi xejn minn dak li ma jkunx minnu lil min ikun qed jikkwota. Jevita li jkun MALINN. Għax meta jagħmel bħalma għamel ikun qed jibni fuq ir-ramel. Ikun qed ikisser il-kredibilità tiegħu nnifsu. Min jagħmel hekk ikun japplika perfettament għalih l-aġġettiv MISKIN.
Kif għidtlek, lil Matthew Polidano ma nafux minn Adam, imma lil Joe Cassar, l-Editur ta’ ‘In-Nazzjon’ jidhirli li nafu sewwa. Ma nistennix minnu li jaċċetta kitbiet żleali u malinni bħal dawk ta’ Matthew Polidano.
Madankollu, fil-bidu ta’ sena ġdida naħfrilhom it-tnejn u nawguralhom is-sliem u s-saħħa.