Raġel ta’ 67 sena tressaq il-Qorti mixli li kien qed isegwi u jiġri wara mara li għal xi żmien kienu f’relazzjoni flimkien. Fil-Qorti ġie spjegat li l-imputat beda jsegwiha bil-karozza u anke kien ħadilha xi filmat.
Fil-Qorti ntqal li l-imputat u l-allegata vittma huma miżżewġin u għandhom il-familji tagħhom. Kien għalhekk li l-Qorti ordnat divjett fuq isimhom.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tal-parte civile spjega fil-Qorti li l-allegata vittma u l-mara li kienet magħha ma baqgħalhomx interess li jipproċedu fil-konfront tal-imputat.
Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo spjegat li jekk tiġi applikata r-renunzja, il-Qorti ma tista’ toffri l-ebda protezzjoni fuqhom. Iż-żewġ nisa qalu li fehmu dan kollu, bil-Qorti sussegwentement waqqfet il-proċeduri.