Thursday, April 25, 2024

ARA: “Il-ħajja mhix tellieqa … persuna bid-Down’s kapaċi tgħallmek tapprezza l-ħajja”

Michelle Rausi - omm il-mudella Maltija, Francesca Rausi

Aqra wkoll

Il-ħajja hija tiżwiqa ta’ mumenti negattivi u oħrajn pożittivi. Xi drabi jiġri li minn esperjenza daqsxejn “diffiċli”, titfaċċa l-aqwa opportunità ta’ ħajjitna. Dan bħalma jseħħ fin-natura: mix-xewk joħroġ il-ward. Din hija l-liġi tan-natura u ħadd minnha mhu ‘l fuq minnha. Irridu jew ma rridux ikollna noqogħdu għaliha u sta għall-persuna li tiddeċiedi jekk tħallix in-negattività tiddomina f’ħajjitha. 

YouTube video

Dan is-sit iktar kmieni din il-ġimgħa ltaqa’ ma’ Francesca u Michelle Rausi, fejn matul l-intervista spikkat bil-bosta l-pożittività kbira li għandha msawra fiha Michelle minkejja l-isfidi li affaċċjat mat-twelid ta’ bintha li għandha l-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome. Michelle mhux talli ma ħallietx il-mewġ iġorrha magħha, talli hi flimkien ma bintha, li llum għandha seba’ snin, użaw l-esperjenza personali tagħhom biex iwasslu għarfien dwar il-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome. Francesca wirtet l-istess pożittività t’ommha għaliex il-messaġġ tagħha kien li “M’għandek taqta’ qalbek qatt u għandek tibqa’ ssegwi l-ħolm tiegħek”.

Francesca llum il-ġurnata hija magħrufa sew mal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll barra minn xtutna, ma’ dawk li huma familjari mad-dinja tal-immudellar. Bħalissa hija tinsab fit-tieni sena tal-iskola primarja taċ-Chiswick tal-Kappara.

F’mistoqsija li saret lil Michelle minn talk.mt dwar jekk qattx bassret li Francesca kienet se tingħata daqshekk prominenza fil-qasam tal-immudellar hija rrakkontat li għall-bidu, bħal kull omm oħra li jkollha tarbija b’kundizzjoni simili, ma kinitx qed taħseb daqshekk fit-tul; kienet tippreferi iktar li tgħix ġurnata b’ġurnata: “Fil-bidu ovvjament ikollok ħafna affarijiet oħra f’moħħok, fosthom it-terapiji. Ma tantx ikollok ħsieb x’jista’ jiġri ’l quddiem … Anzi, naħseb l-ewwel ħaġa li tiġik f’moħħok hija l-affarijiet li ma tistax tagħmel milli x’tista’.”

“Il-ħajja mhijiex tellieqa, u importanti li ma tkunx tellieqa. Tajjeb li nieqfu u napprezzaw kull ħaġa li nagħmlu”

Michelle Rausi

Issa li għexet din l-esperjenza, Michelle tgħid li kull min għaddej minn sitwazzjoni simili għandu jaħseb fejn ħa jaslu dawn it-tfal, għaliex issostni li huma kapaċi jimpressjonawk il-ħin kollu: “Għall-ewwel tibda tgħid ‘din mhux ħa jagħmluha, mentri mbagħad jirnexxilhom jaslu fejn ikunu jixtiequ’”. Hija tkompli tgħid li wara li jirnexxilhom jagħmlu dak kollu li int tkun ħsibt li mhux ħa jirnexxilhom jagħmlu, jibdew jagħmlu ħafna iktar, u eventwalment tibda tieħu sorpriża “waħda wara l-oħra” kull darba li jirnexxilhom jagħmlu xi ħaġa li lilek lanqas qatt għaddietlek minn moħħok li kienu se jagħmluha. Michelle tisħaq li meta tiltaqa’ m’ommijiet li jinsabu f’sitwazzjoni simili, tenfasizza dwar l-importanza li l-ġenituri għandhom jagħtuhom iċ-ċans. “Forsi jieħdu xi ftit iżjed żmien biex jagħmlu l-affarijiet, imma ma jimpurtax. Jiena dejjem ngħid li l-ħajja mhijiex tellieqa, u importanti li ma tkunx tellieqa. Tajjeb li nieqfu u napprezzaw kull ħaġa li nagħmlu. Meta tkun qed tgħix ma’ xi ħadd li għandu d-Down’s Syndrome jgħallmek ħafna tapprezza l-ħajja; jgħallmek tieqaf u tapprezza dawk l-affarijiet ta’ madwarek li aħna ħafna drabi meta nikbru nitilfuh dan is-sens ta’ apprezzament,” tgħid Michelle.

Hija tenfasizza l-fatt li huwa veru li tfal bid-Down’s Syndrome jbiddlulek ħajtek, però, “ibiddlulek ħajtek f’sens pożittiv”. Ix-xogħol, tgħid Michelle, ħa jiżdied; jiżdied għal kwalunkwe ġenitur li jkollu tarbija. “Tfal bil-kundizzjoni tad-Down’s Syndrome jirrikjedu daqsxejn iktar xogħol minħabba li hemm involut ċertu ammont ta’ terapiji, però, imbagħad meta t-tfal jibdew jikbru, dawk it-terapiji jibdew jinbidlu f’affarijiet li jħobbu jagħmlu,” tispjega Michelle. Fosthom, hija ssemmi l-fatt li llum il-ġurnata bintha Francesca qed tattendi għal-lezzjonijiet tad-drama, u li minflok is-sezzjonijiet tal-fiżjoterapija qed tmur għal-lezzjonijiet taż-żfin.

Il-bidu tal-karriera ta’ Francesca fil-qasam tal-immudellar 

“Bażikament jiena qatt m’għażilt xejn għal Francesca … Dejjem kienet hi li għażlet x’tixtieq tagħmel. Jiena kont dejjem warajha biex nara x’jogħġobha sabiex imbagħad inkomplu nibnu fuq dak li jogħġob lilha,” tistqarr Michelle. Hija tkompli tispjega li d-dinja tal-immudellar tfaċċat f’ħajjithom xi żmien wara li bdew kampanja ta’ għarfien dwar id-Down’s Syndrome. Ftit tal-jiem ilu, Michelle għamlet referenza għal dan fuq il-midja soċjali fejn f’messaġġ miktub minnha rrakkuntat dwar meta seba’ snin ilu, iż-żmien li fih bintha Francesca kienet għadha tarbija ta’ ftit xhur, waqt li kienet qed tfittex xi ritratti ta’ tfal Maltin bid-Down Syndrome fuq il-midja soċjali, b’sorpiża għaliha ma setgħet issib xejn. 

“Bdejt ngħid, għalfejn fuq il-midja soċjali nitfgħu ritratti tat-tfal kollha u ġenituri li għandhom it-tfal bid-Down’s Syndrome qegħdin donnhom jiddejqu li jitfgħu ritratt ta’ wliedhom?” Minn hemmhekk hija daħħlitha f’rasha li trid tagħmel xi ħaġa. L-ewwel pass kien li bdiet taqsam xi ritratti ta’ Francesca fuq il-midja soċjali: “Il-feedback tan-nies kien enormi. Kif qsamt l-ewwel ritratt, bdew jikkuntattjawni ħafna nies, il-parti l-kbira tagħhom ġenituri li għandhom it-tfal bid-Down’s Syndrome … Kienet xi ħaġa vera sabiħa. Eventwalment, bosta ġenituri bdew jagħmlu kuraġġ u aħna l-ommijiet bdejna naraw iktar ritratti ta’ tfal Maltin bid-Down’s Syndrome”.

Il-mamà ta’ Francesca qaltilna li t-tifla “Bdiet l-immudellar għaliex sa minn meta kienet għadha żgħira kienet turina kemm l-immudellar kien jogħġobha. Kif tara kamera kienet tiġġennen!” tistqarr Michelle. Hija rrakkuntatilna mument ħelu meta Francesca kienet għadha żgħira u kellhom l-ewwel intervista: “Meta daħal il-cameraman marret tiġri għall-kamera. Minn hemm indunajna li tħobb dawn l-affarijiet”. Riċentament, waqt li kienet tinsab fuq btala mal-familja tagħha, Francesca inzertat mużiċist idoqq il-vjolin u komlpiet l-allegrija miegħu.

“Pruvajna l-immudellar għar-raġuni li l-immudellar u persuni bid-Down’s Syndrome ma tantx kienu jmorru flimkien; donnha xi ħaġa li ma kontx issibha dak iż-żmien, allura din rajnieha bħala sfida u opportunità fl-istess ħin sabiex jinħoloq iżjed għarfien”. Michelle tistqarr li “Kont nibża’ ħafna għax m’iniex bniedma li nħobb il-kompetizzjonijiet fuq it-tfal, imma qisni ġġilidt miegħi nnifsi għax għedt din mhux se nagħmluha għall-fini ta’ kompetizzjoni fiha nnifisha, iżda sabiex noħolqu għarfien; għarfien li ma jimpurtax jekk għandek id-Down’s Syndrome u tixtieq tmur fuq il-catwalk; Urejna li Francseca marret fuq il-catwalk biex toħloq għarfien u għalkemm għandha d-Down’s Syndrome, kellha għadd ta’ suċċessi.”

Infatti, Francesca rnexxielha terbaħ għad ta’ titli. Fost dawk lokali nsibu “Junior Top Model”, “Junior Valentine”, u “Junior Christmas”. Fil-vjaġġ tal-immudellar fuq livell internazzjonali nsibu li Francesca mmudellat fil-London Fashion Week u f’Ottubru li għadda marret Amsterdam fejn immudellat fid-Diversity Fashion Week. “Id-Diversity Fashion Week hija xi ħaġa speċjali u għal qalbi ħafna għaliex ikun hemm inklużjoni assoluta; kulħadd qiegħed flimkien u ttella’ show li verament kien sabiħ … Kienet xi ħaġa speċjali għal Francesca,” stqarret emozzjonata Michelle. 

Michelle żvelat magħna li Francesca diġà rċeviet stedina biex tattendi għad-Diversity Fashion Week ta’ din is-sena fejn din id-darba mhux se jkollha għalfejn tagħmel audition. Is-sena l-oħra Francesca kienet l-unika Maltija li għamlet audtion online għad-Diversity Fashion Week li permezz tagħha ntgħażlet hi biex tirrappreżenta lil pajjiżna minn fost erbat itfal.

Francesca kostretta li tkompli twassal għarfien dwar id-Down’s Syndrome

Francesca din is-sena se tkun l-ambaxxatriċi Maltija għal Wouldn’t Change A Thing (WCAT). Michelle fissritilna li WCAT hija organizzazzjoni li taf il-bidu tagħha fl-Ingilterra u eventwalment kompliet tinfirex mad-dinja kollha. Dan għaliex l-organizzaturi ta’ WCAT jagħżlu ambaxxatur minn kull pajjiż minn madwar id-dinja. L-għan ta’ WCAT huwa li jinħoloq iktar għarfien.

Bażikament, l-organizzazzjoni WCAT bdiet fl-2018 minn filmat dwar l-ommijiet li mar viral u rawh miljuni ta’ nies: “Kien l-iktar filmat non-profit li rawh nies minn madwar id-dinja”. Kien minn dak il-mument li ngħata bidu għal din l-organizzazzjoni li llum miexja ’l quddiem ħafna, spjegat Michelle.

Matul il-vjaġġ tagħha bħala ambaxxatriċi, Francesca se tkun qed taqsam xi filmati u kontenut dwar l-inklużjoni, flimkien ma’ kontenut ieħor dwar avvenimenti li tieħu sehem fihom hi, sabiex tkompli ssaħħaħ l-edukazzjoni fost in-nies u twassal messaġġ li “Tfal bħalha li għandhom id-Down’s Syndrome huma kapaċi jagħmlu l-affarijiet li jogħġbuhom”. Michelle tisħaq li huwa importanti immens “Li ma nillimitawhomx aħna, għaliex li jiġri hu li ħafna drabi nkunu aħna stess li niddubitaw il-kapaċitajiet ta’ nies b’dawn it-tip ta’ kundizzjonijiet. Meta nagħtu ħarsa lejn x’inhuma kapaċi jagħmlu, ħafna drabi jissorprenduna. Huma individwi kapaċi ħafna, basta nagħtuhom iċ-ċans”.

Sport