Sunday, December 29, 2024

ARA: Il-Pulizija kienet se tipproċedi bl-arrest meta Noel mar ma’ familjari tiegħu jammetti bil-qtil

Se ssir analiżi biex jiġi identifikat l-aħjar post fejn jinżamm arrestat l-akkużat

Aqra wkoll

Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat tressaq b’arrest quddiem il-Maġistrat Monica Vella mixli bil-qtil ta’ Eric Borg ta’ 27 sena nhar l-ewwel tas-sena.

Il-każ seħħ għall-ħabta tat-3.30 p.m. fi Triq il-Fidloqqom, ir-Rabat. Jingħad li s-suspettat u l-vittma kienu involuti f’argument bejniethom.

Waqt dan l-argument intużat arma tan-nar fejn Borg intlaqat minn żewġ tiri u tħalla mixħut fuq il-bankina. L-allegat aggressur kien ħarab minn fuq il-post iżda ġie arrestat ftit sigħat wara.

Fil-Qorti, Noel Azzopardi wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega li fl-1 tas-sena għall-ħabta tat-3:30 p.m il-Pulizija rċeviet rapport li nstemgħu żewġ tiri ta’ arma tan nar u li kien hemm persuna mixħuta mal-art fi Triq Il-Fidloqqom fir-Rabat. Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post u kkonfermaw dan ir-rapport u l-vittma kien ġie identifikat bħala Eric Borg u li kien jinsab bla ħajja fuq il-post. 

Waqt li bdiet l-investigazzjoni fuq il-post kien sar magħruf li hemm possibbiltà kbira li ċertu Noel Azzopardi seta’ kien persuna ta’ interess f’dan l-omiċidju. 

Kif il-pulizija kienet qed tipprepara biex tipproċedi għall-arrest tiegħu dakinhar stess għall-ħabta tal-5.15 pm ġew infurmati mill-pulizija tal-għassa tar-Rabat li l-istess Noel Azzopardi kien mar l-għassa ma’ xi familjari tiegħu jirrapporta li kien hu l-persuna li qatel lil Eric Borg. Minn hemm huwa ġie arrestat. 

Id-difiża talbet lill-prosekuzzjoni biex kemm jista’ jkun malajr jiġu esebiti fil-proċeduri l-fajls mediċi kollha tal-imputat kemm mill-Isptar Mater Dei u b’mod partikolari wkoll mill-isptar Monte Carmeli.

Id-difiża f’isem l-imputat awtorizzat u rrilassat mis-sigriet professjonali lil Dr Vella Baldacchino u staff mediku ta’ Monte Carmeli sabiex huma jitkellmu mal-professjonisti tal-ħabs sabiex b’hekk id-direttur ġenerali tal-faċilità jkun f’pożizzjoni aħjar li jiddeċiedi fejn għandu jinżamm l-imputat, jiġifieri jekk hux Raħal Ġdid jew Ħ’Attard. 

Fil-qorti ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat u għaldaqstant baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Kaylie Bonnet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri. 

L-Avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi qed jidhru għall-imputat.

Ekonomija

Sport