Għall-ewwel darba, mill-gabbana li tintrama’ quddiem il-ħabs, il-pubbliku se jkun jista’ jixtri pasti, figolli u cupcakes fl-okkażjoni ta’ Jum San Valentinu. Din l-inizjattiva niżlet tajjeb ma’ ħafna persuni li waqfu biex jixtru dawn il-prodotti friski magħmula bi mħabba mill-forn tal-ħabs. Minbarra f’dawn il-ħlewwiet, wieħed jista’ wkoll jixtri rigali magħmula bl-idejn mis-sezzjoni tan-nisa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Dan is-sit ilbieraħ mar jara l-ħidma li kienet għaddejja minn din il-gabbana fejn seta’ jinnota illi din l-inizjattiva ntlaqgħet b’mod pożittiv min-nies. Tkellimna wkoll mal-uffiċjal veteran tal-Faċilità, is-Sur Charles Bonnici, fejn qalilna li jinsab sorpriż bil-konkorrenza min-naħa tal-pubbliku.
Huwa stqarr li: “Din hi l-ewwel sena li qed nagħmlu din l-attività. Għamilna pasti varjati, figolli u xi cupcakes, kollha relatati mal-festa tal-imħabba. Għandna wkoll is-sezzjoni tan-nisa li din id-darba involvejniehom ukoll peress li għandhom is-sezzjoni tal-ħjata u għamlu qlub bil-kwotazzjonijiet Maltin.”
Is-Sur Bonnici żied jgħid li l-iskop tal-industrija tal-ħabs, fejn il-priġunieri jingħataw lok fejn jaħdmu, ikompli jiżdied permezz ta’ attivitajiet bħal dawn. B’dan il-mod, jesploraw aktar x’hemm bżonn isir sabiex ‘il quddiem joħorġu persuni aħjar milli daħlu, filwaqt li jkollhom aktar ħiliet.
“Din hi xi ħaġa importanti ħafna. Għaliex ix-xogħol minnu nnifsu jagħti dinjità. Jidher li l-priġunieri jaċċettawha ħafna. Jaħdmu u jagħtu l-entużjażmu tagħhom kollu. Filgħodu niftħulhom minn kmieni sabiex nilqgħu għad-domanda li hawn,” kompla jgħid l-uffiċjal veteran.
Intant, il-gabbana se tkun miftuħa wkoll illum f’Jum San Valentinu u fil-weekends li ġejjin, fejn ma jonqsux il-famużi Qagħaq tal-Appostli, figolli u pasti oħra. Din kważi saret l-attività tar-Randan, Saret tradizzjoni biex tixtri l-qagħqa mill-ħħid is-Sur Bonnici.