Is-sħana qawwija li bħalissa qed taħkem il-gżejjer Maltin ma żammitx lura lill-membri tal-Għaqda tan-Nar San Nikola fil-preparamenti tagħhom għall-festa li qiegħda tiġi ċċelebrata din il-ġimgħa fis-Siġġiewi. Din is-sena se tkun waħda speċjali hekk kif il-membri qed iħejju biex jagħtu spettaklu pirotekniku anke fil-pjazza tar-raħal.
Il-proċess tal-armar tar-replika tal-faċċata tal-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi tlesta lbieraħ filgħaxija u bla dubju se jġib memorji sbieħ billi l-aħħar darba li saret kien proprju 18-il sena ilu, fl-2006. Dan il-ġurnal tkellem ma’ Brian Borg mill-Għaqda tan-Nar San Nikola, li spjegalna l-ħidma wara din il-faċċata li s-Siġġiewi hi magħrufa għaliha.
Huwa qal li r-replika se tkun kbira 13 bi 15-il metru u tinkorpora fiha mas-16,000 gass tad-dawl. Bejn wieħed u ieħor se ddum tinħaraq madwar żewġ minuti. Li jagħmel uniku din l-opra fl-arti tal-piroteknika huwa l-gass tat-tifi.
“Din tixgħel kollha f’daqqa. Ikun hemm disinn li jixgħel bil-kulur u oħrajn ikunu mitfija li ma jagħtu l-ebda dawl. Imbagħad issir qalba oħra. Se jkun fiha erba’ qalbiet. Waħda minnhom se tkun il-faċċata tal-Knisja Arċipretali. Se jkun hemm ukoll l-arma tal-Għaqda tan-Nar u tas-Siġġiewi u ovvjament San Nikola,” kompla jgħid Borg.
L-ewwel moħħ wara din ir-replika kien Nikol Mangion magħruf bħala Dirbies u ħadimha għall-ewwel darba għall-festa tas-sena 1985. Huwa kien ħadem din ir-replika darbtejn. Ir-replika tal-faċċata mbagħad reġgħet saret darbtejn oħra, fis-snin 1993 u 2006.
Din is-sena nħadmu tilari ġodda speċifikament għaliha tal-aluminium minħabba li fl-antik kienet issir fuq l-injam u l-qasab, li maż-żmien jiddeterjora jew tiġrilu l-ħsara. “Kull darba li ntramat din ir-replika, dejjem ikollha xi ħaġa ġdida u din is-sena għandna din bħala għeluq għal lejlet il-festa ta’ San Nikola, fid-29 ta’ Ġunju,” tenna jgħid Brian Borg. “Kull min hu dilettant tan-nar tal-art m’għandux jitlef din l-okkażjoni, għax hi esperjenza ta’ darba.”