Tuesday, May 14, 2024

ARA: “L-imħabba lejn il-fqir għalih ma kinitx slogan iżda realtà li jgħixha”

Jingħata l-aħħar tislima l-eks PM Karmenu Mifsud Bonnici

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun kienet ippakkjata bin-nies li marru biex jagħtu l-aħħar tislima lill-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista Karmenu Mifsud Bonnici li miet is-Sibt li għadda fl-età ta’ 89 sena.
Dr Mifsud Bonnici jibqa’ mfakkar għall-ideal soċjalist demokratiku li ħaddnu b’konvizjoni u l-mod kif iddedika ħajtu għall-ħidma favur il-klassi tal-ħaddiema. Għal diversi snin huwa serva wkoll bħala l-avukat u konsulent legali tal-General Workers’ Union.

Il-quddiesa tal-funeral tmexxiet mill-Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Awżiljarju Galea-Curmi saħaq li meta kien ħdejn zijuh Karmenu l-Isptar ftit qabel miet seta’ jisimgħu kontinwament jgħid talba ta’ fiduċja f’Ġesù li jsalva.

“Tul dawn l-aħħar sentejn u nofs dejjem kien isemmili l-quddiesa tat-televiżjoni li kien isegwi b’attenzjoni kbira u apprezzament. Kien jieħu pjaċir ħafna meta jirċievi l-Ewkaristija fid-dar tal-anzjani fejn kien residenti. Aħna għandna din it-tama li l-Mulej iħaddnu miegħu u li issa z-ziju jista’ jara b’għajnejh is-sbuħija ta’ dak li hawn għandna biss ħjiel tagħha,” qal l-Isqof Awżiljarju.
Qal li Karmenu kellu sens kbir ta’ umoriżmu u miegħu tgħallmu bl-esperjenza xi tfisser l-imħabba u l-għożża fil-familja anke meta kultant l-ideat kienu jkunu differenti. “Miegħu tgħallimna ngħixu l-misteri tal-ħajja. Dejjem b’dik l-imħabba li tgħaqqadna.”

L-Isqof Awżiljarju qal ukoll li zijuh kien bniedem ta’ ġenerożità kbira, b’qalb tad-deheb, fejn l-imħabba lejn il-fqir għalih ma kinitx xi slogan li juża għal xi skop imma kienet realtà li jgħixha. “Ma baqax passiv quddiem il-ħtiġijiet tal-oħrajn. Kien dejjem lest il-ħin kollu biex jagħti minn tiegħu lil ħaddieħor. Kien hemm klijenti li flok ħallsuh, tahom hu l-għajnuna biex jgħajxu lil-familja.”

Huwa qal li din il-karità kbira tiegħu kienet imsieħba ma’ ħidma ma taqta’ qatt għall-ġustizzja soċjali fejn uża l-intelliġenza kbira tiegħu b’risq il-ħaddiema u d-drittijiet tagħhom. Ħidma li bdiet meta kien attiv ħafna fiż-Żgħażagħ Ħaddiema Nsara u kompliet tul ħajtu kollha. U ħidma favur dawk l-aktar batuti u vulnerabbli. Huwa kienn ukoll jemmen bis-sħiħ li s-saħħa tas-soċjetà titqies mill-progress ta’ dawk l-aktar dgħajfa.

L-Isqof Awżiljarju semma wkoll il-kontribut li Karmenu Mifsud Bonnici ta f’diversi oqsma fosthom fil-professjoni ta’ avukat, meta kien lecturer fl-Università, fil-qasam trejdunjonistiku u fil-kamp diffiċli tal-politika fejn l-intenzjoni tiegħu kienet li jkun ta’ servizz għan-nazzjon u qatt ma fittex li japprofitta ruħu mill-pożizzjoni tiegħu.

“Kien eżempju ta’ x’jiġifieri tkun biedem ta’ konvinzjoni u mhux ta’ konvenjenza. Għażiż Ziju Karmenu, issa strieħ fis-sliem. It-talba tagħna issa li l-Mulej jilqgħek fi ħdanu u jgħidlek Karm, kulma għamilt fost l-iżgħar minn dawn ħuti għamiltu miegħi.”

Sport