Thursday, December 26, 2024

ARA: “Minn tabib on call għal investiment fi klinika b’numru ta’ professjonisti mediċi”

Fl-aħħar xhur kien hemm tnaqqis fil-vjaġġi bil-priġunieri mill-ħabs lejn l-Isptar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-ħarġiet ta’ dan is-sit fil-jiem li għaddew tkellimna dwar is-sitwazzjoni fil-ħabs u s-suwiċidju fost affarijiet oħra. Għal din l-aħħar parti ta’ din l-intervista ma’ eks impjegata fil-ħabs se nitrattaw l-investiment li sar fil-ħabs fl-aħħar xhur.

Din l-eks impjegata fil-ħabs qalet li tajjeb li nitkellmu dwar dinjità tal-priġunieri, imma tajjeb li wieħed ifakkar l-investimenti li saru fl-aħħar xhur li żiedu bil-qawwa kemm id-dinjità tal-priġunieri kif ukoll tal-ħaddiema fil-ħabs. 

Sar investiment fejn jidħlu vannijiet li jitrassportaw lill-priġunieri lejn postijiet bħalma huma l-Qorti u l-Isptar. 

Sostniet magħna li tajjeb li nitkellmu dwar id-dinjità tal-priġunieri, iżda fil-midja u mill-pubbliku inġenerali ma kontx tisma’ min jilmenta għax il-ħaddiema kienu jdumu jlaqqtu snin bl-istess żewġ qomos u qliezet. Meta l-Kurunell Dalli nħatar bħala Direttur tal-ħabs kien ra li l-ħaddiema jkunu stmati kif jixraq u b’hekk ra li jkun hemm introduzzjoni ta’ tibdiliet addattati għal okkażjonijiet varji u mhux li l-ħaddiema jibqgħu dejjem bl-istess uniformi. 

YouTube video

“Jekk parata, jekk għat-taħriġ, jekk għall-Qorti, jekk għal fuq ġewwa fid-divisions, etċ ngħataw uniformijiet li huma stess jgħidulek kemm kienu grati lejn din id-deċiżjoni għax deċiżjoni bħal din tagħthom motivazzjoni u l-uniformi hija wkoll rapreżentazzjoni tal-individwu u tajjeb li gwardjan imur pulit għax-xogħol u mhux b’xi qmis li tilfet il-kulur bil-ħasil”, tenniet tgħidilna.

Sar investiment ukoll fl-iSpecial Response Team (SRT) u l-K9; bi klieb li huma mħarrġa għal kull eventwalità u tfittxijiet li jkun hemm bżonn fil-ħabs minn żmien għal żmien.

Il-Body Camera fl-entratura tal-ħabs eliminat ċertu strip searches li kienu jsiru minħabba biża’ li persuna tkun qiegħda ddaħħal affarijiet b’mod illegali fil-ħabs. Ovjament l-uffiċjali fl-entratura għandhom kull dritt li jużaw il-proċedura li jkun hemm bżonn f’każ ta’ dubju minn dak li jkunu qed jaraw fl-iscanner.

“Kienu proprju dawn it-tfittxijiet u sikkatura li ħafna jiddeskrivuha bħala żejda li permezz tagħhom id-Direttur preżenti għandu s-sodisfazzjon li jgħid li llum fid-droga m’hemmx ir-rebus ta’ qabel, u eħe li persuna m’għadhiex tirċievi droga fil-qigħ tal-flip flops tista’ tkun uġigħ ta’ ras kbira għal min kien ikun qiegħed jistenna dik id-droga fuq ġewwa. Naħseb meta qtis dawn l-affarijiet bilfors tistenna li jintaqal kemm hu iebes dan id-Direttur mhux hekk?”, kompliet l-mara fl-intervista.

Rigward is-sitwazzjoni f’Kordin mhux l-ewwel darba li tkellem il-Ministru preżenti Byron Camilleri. F’waħda mis-seduta parlamentari fl-aħħar xhur Camilleri qal li “l-Oppożizzjoni mhijiex kredibbli għax fi żmien Beppe Fenech Adami, is-sitwazzjoni f’Kordin kienet droga free for all, il-klieb li jfittxu d-droga kienu jkunu l-pets tal-priġunieri mentri llum fil-ħabs dawk l-affarijiet mhumiex aċċettabbli”.

Investiment fi klinika għall-priġunieri 

Fl-aħħar xhur inbniet klinika ġdida fil-ħabs, li qiegħda toffri servizzi mediċi aħjar lil aktar minn 800 priġunier li hemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-klinika ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri f’Marzu li għadda waqt konferenza stampa fil-ħabs stess.

Din il-klinika tinkludi diversi kmamar fejn il-pazjenti jingħataw trattamenti differenti fosthom kamra ta’ emerġenza, oħra għad-dentistrija, oħra għall-psikjatri, kamra fejn jinżammu l-pilloli kollha u ssir il-loġistika għat-tqassim tagħhom u anke żewġ ċelel fejn jinżammu pazjenti b’mod temporanju minħabba bżonn ta’ osservazzjoni.

“Ħabs li fl-amministrazzjonijiet preċedenti kien ikollu tabib on call, illum għandek tliet tobba full time, tliet psikjatri, infermiera, podjatra u professjonisti oħra. Qabel kien hemm żmien fejn it-trasport mill-ħabs għal trattament mediku kien frekwenti, iżda llum ħafna minn dawn il-każi qed jiġu trattati grazzi għall-aqwa professjonisti fil-ħabs stess”, spjegat ma’ talk.mt l-eks impjegata.

Skont rapporti lokali ġie spjegat li permezz tat-titjib fis-servizz mediku, naqas il-bżonn li priġunieri jittieħdu l-isptar. Fl-2019 kien hemm 1,300 priġunier li ttieħdu l-isptar filwaqt li fl-2020, kien hemm 1,100 priġunier.

Ekonomija

Sport