Malti ta’ 37 sena ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija wara investigazzjoni mill-Pulizija b’rabta ma’ traffikar u importazzjoni tad-droga.
Ir-raġel, li huwa residenti l-Fgura, twaqqaf mal-wasla tiegħu f’Malta bil-katamaran minn Sqallija. Ir-raġel u l-vann tal-għamla Ford Transit li kien qed isuq, ittieħdu l-garaxx tal-Pulizija u mill-investigazzjonijiet u tfittxijiet li saru, irriżulta li kien hemm madwar seba’ kilos ta’ sustanza suspettata droga kokaina u 100 grama ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis moħbijin ġewwa l-axle tar-roti ta’ wara tal-imsemmi vann.
Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li d-droga misjuba tlaħħaq ‘il fuq minn €400,000 fis-suq.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Victor Axiak LL.D ġie infurmat bis-sejba u ħatar inkjesta.
Ir-raġel qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Membri mid-Dipartiment tad-Dwana assistew lill-Pulizija waqt din l-operazzjoni.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.