Saturday, December 28, 2024

BAĠIT RAĠONEVOLI U RAĠUNAT

Aqra wkoll

Personalment ma rajtx li seta’ jkun mod ieħor: il-baġit għas-sena 2024 jagħmel proposti raġonevoli u raġunati għal x’għandu jsir min-naħa tal-gvern fil-qafas fiskali, finanzjarju u ekonomiku tal-lum. Il-miżuri li tħejjew huma soċjalment progressivi. La jgħaġġlu wisq ’il quddiem u lanqas mhuma fjakki billi jżommu wisq lura. Bħal fil-ħrafa ta’ Goldilocks, il-proposti la huma sħan wisq, la bierda wisq imma huma kif għandhom ikunu. 

Madankollu l-isfida quddiem il-gvern tista’ tkun din: Mhux li n-nies iddur kontra l-baġit; għandu ħafna tajjeb. Imma li kwistjonijiet oħra dwar governanza jieħdu rankatura aqwa. M’inix naħseb f’ġudizzji tal-qrati li x’aktarx naqbel mal-Prim Ministru – jafu jkunu preġudikati politikament, anke b’mod subkonxju. Aktar it-tgemgim persistenti ta’ nies li mhuma jistennew l-ebda pjaċir mingħand il-gvern għax jistgħu ikampaw b’ħilithom bla problemi ta’ xejn. U huma Laburisti. Imma d-dubji tagħhom dwar ċerti aspetti tar-realtà politika u soċjali Maltija qed isiru qawwija. 

PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

Għan-nomina tal-President tal-Kummissjoni Ewropea mis-sena d-dieħla, l-2024, għandu jkun hemm mira waħda. Li jinġab lura bilanċ politiku fil-ħatra li ssir. U dan jiġri billi jinħatar president li jkun ġej mill-grupp tas-soċjalisti.

Mhux daqstant ilu, l-użanza kienet li tinżamm xi forma ta’ bilanċ bejn ix-xellug u l-lemin. Imma issa ilna mis-sena 2004 li l-kariga kienet okkupata minn persuna tal-lemin. Kellna lil Barroso, Juncker u von der Leyen. Suppost li wasal iż-żmien li jintgħażel xi ħadd mix-xellug.

Ironikament il-grupp tas-soċjalisti fil-Parlament Ewropew addottaw il-pożizzjoni li għandu jsir President tal-Kummissjoni l-kap tal-partit Ewropew li fl-elezzjonijiet Ewropej, iġib l-akbar numru ta’ siġġijiet. Qatt ma qbilt ma’ dil-proposta ottuża.

JIRBĦU L-ESTREMISTI

Fil-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas se jirbħu l-estremisti taż-żewġ naħat. Se jkunu tilfu l-ewwel u fuq kollox il-poplu Palestinjan, li se jkollu bżonn tas-snin biex jirkupra mit-trawma ta’ li qed jgħaddi minnha. Imbagħad il-poplu ta’ Iżrael li se jsib li ġenerazzjonijiet ġodda ta’ terroristi qamu kontrih mill-mibegħda u d-disprament li llum qed jingħataw in-nar.

Ilħna għaqlin f’Iżrael u fost il-poplu Palestinjan ilhom iwissu li b’dak li baqa’ jiġri fl-aħħar snin, qed tissaħħaħ il-qagħda tal-estremisti, li t-tnejn ma jridux jirrikonoxxu d-drittijiet tan-naħa l-oħra. U li effettivament iridu jeliminawha għal kollox. 

  Ilħna minn barra li jixtiequ li tinstab soluzzjoni ġusta jiġu akkużati li qed iżommu ma’ naħa jew oħra meta jikkundannaw bla riżerva l-atroċitajiet li wettaq il-Ħamas u meta jikkundannaw ukoll id-delitti ta’ gwerra li ikkommetta l-Iżrael fil-bumbardament bla ħniena tat-territorju tal-Gaza. M’hemmx turija aqwa tar-rebħa tal-estremiżmu.

Ekonomija

Sport