Wednesday, March 27, 2024

“Barra li għolew il-prezzijiet għalina, biex iżżomm kok trid tħallas pagi tajbin ħafna”

Sid ta' ristorant dwar iż-żieda fil-prezzijiet

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sid ta’ ristorant li tkellem ma’ dan is-sit rigward ilmenti dwar żieda fil-prezzijiet qalilna li “ma nistgħux ingergru mix-xogħol. Anzi hawn domanda għas-servizzi tagħna.  Bħala settur qegħdin nesperjenzaw żieda fil-prezzijiet. Il-laħam, b’mod partikolari ċertu tipi ta’ laħam u anke l-ħut għolew sostanzjalment fil-prezz. Dan, ma kienx hemm triq oħra ħlief dik li jiġi rifless fil-prezz lill-konsumatur. Li qgħadna attenti hu li għalkemm żdied il-prezz u fejn stajna rajna li ż-żieda tkun minima, rajna li l-kwalità hemm. Irrid ngħid li aħna mhux żidiet fil-prezzijiet biss qed naffettwaw, imma hemm problema oħra biex iżżomm miegħek kok ta’ ċertu esperjenza. Illum sar hawn kompetizzjoni kbira u biex iżżomm kok ta’ esperjenza miegħek u dan jagħtik kwalità fil-prodott, trid tagħti pagi tajbin ħafna.”

L-istess sid qalilna li “nemmen li ħafna ristoranti tajbin, raw li jibbilanċjaw bejn iż-żieda fil-prezz u l-kwalità. Biss hemm min hemm barra li għolla il-prezzijiet sostanzjalment, naqqas ħafna wkoll fejn tidħol il-kwalità. Fis-settur tal-ospitalità rajna smajt b’ħafna stejjer. Bħal tazza inbid Rose li jżommulek €7 u tkun nofsha jew ftit aktar mimlija. Smajna b’ilment fejn prezzijiet tal-ikel żdiedu sostanzjalment. Issa in-nies qed jaraw li meta qabel kienu jieħdu ċertu platti u għal koppji jeħilsu b’€30 jew €35, issa qed isibu li jridu €50. Dan in-nies qed jarawh u qed jesperjenzawh. L-ilmenti ġejjin l-aktar minn ċertu tip ta’ ristoranti, gabbani u kafeteriji, li għollew sostanzjalment il-prodott u issa dan l-istess prodott tagħhom qed jidher li hu għali. Jien naħseb li s-suq waħdu se jirregola s-sitwazzjoni. Min qed jgħolli u issa qed jidher li l-prodott tiegħu mhux ta’ valur għan-nefqa li tkun saret, se jsib li se jkun qed jitlef il-klijenti”.

Ċertifikat dwar jekk il-prodott hux ta’ valur għan-nefqa li tkun saret

L-istes sid qalilna li “fis-suq hawn min kollox. Ma tistax tgħid li kulħadd ħażin jew li kulħadd tajjeb. Hawn min ħass, għal diversi raġunijiet li jgħolli. Anki luminata llum minn ċerti ristoranti, li m’humiex ta’ xi livell għoli saru €4 u aktar. Anki minn xi gabbani, ġieli tinxtara bi prezzijiet bħal dawn, l-istess kif ċertu ikel ‘fast food’ minn gabbani tela’ sew fil-prezz. Naħseb li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu eżerċizzju biex jaraw is-sitwazzjoni f’pajjiżna kif inhi. Stħarriġ indipendenti dwar il-valur tal-prodott offrut meta komparat man-nefqa. Jekk hemm bżonn anke tinħareġ ċertifikazzjoni. Kull stabbiliment għandu realtajiet differenti, fejn ma rridux ninsew li l-istess stabbilimenti għandhom il-kirjiet tagħhom li qegħdin isibu li dejjem qegħdin jogħlew.  Nemmen li din is-sitwazzjoni tista’ tiġi trattata billi jsir stħarriġ indipendenti u tinħareġ ċertifikazzjoni, li tara l-ikel offrut, il-kwalità tiegħu, min ippreparah, kemm ħallast għalih u l-ambjent inġenerali tal-istess ristorant”. 

Ekonomija

Sport