B’leħen baxx ħafna jwieħeb “mhux ħati”

- Jitressaq il-Qorti Roderick Azzopardi mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Charlotte Azzopardi

Aqra wkoll

B’leħen baxx ħafna Roderick Azzopardi wieġeb mhux ħati li nhar Santa Marija qatel lill-eks sieħeba tiegħu Charlotte Azzopardi.

L-Ispettur Wayne Camilleri spjega quddiem il-Qorti li kien għall-ħabta tat-3.00p, meta l-Pulizija kienet irċiviet telefonata anonima fl-għassa ta’ Ħaż-Żabbar li l-imputat kien bagħat xi messaġġi li taw x’tifhem li kellu l-ħsieb li jweġġa’ lilu nnifsu.

Il-Pulizija marru fuq il-post biex jiċċekkaw fuqu u kien hu stess li fetħilhom il-bieb. Hu deher eċitat ħafna u staqsa lill-pulizija min kien dak li ċempel l-għassa.

Hu qallhom li kien imposibbli li kienet l-eks sieħba tiegħu li għamlet ir-rapport “għax ġiet f’wiċċi u tilfitni”.

L-Ispettur kompla jgħid li kien hawn li l-imputat indikalhom li kien hemm katavru fil-kamra tas-sodda u x’ħin il-pulizija daħlu sabu lil Charlotte mejta. 

Bil-Pulizija nformaw lil Azzopardi li jinsab arrestat b’rabta ma’ omiċidju volontarju.

Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u talbet sabiex ikun assessjat, b’din l-aħħar talba ġiet milqugħa mill-Qorti.

L-akkużat, qal fil-qorti li jaħdem bħala delivery driver.

Għall-Prosekuzzjoni dehru l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kaylie Bonett, flimkien mal-Ispetturi Wayne Camilleri Abela u Hannah Harmer.

Aktar kmieni: Jitressaq il-Qorti Roderick Azzopardi b’rabta mal-Femiċidju ta’ Charlotte Zammit

Ftit tal-ħin ilu għadu kemm twassal fil-bini tal-Qorti Roderick Azzopardi ta’ 42 sena residenti Ħaż-Żabbar fejn se jkun qiegħed jiġi akkużat bil-femiċidju ta’ Charlotte Zammit ta’ 44 sena.

Il-qtil seħħ nhar Santa Marija aranofsinhar f’residenza fi Triq Corrado f’Ħaż-Żabbar. Il-vittma nqatlet b’tir jew tiri ta’ arma tan-nar. 

Hu se jitressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.

Aktar kmieni: Ir-raġel li allegatament wettaq il-femiċidju f’Ħaż-Żabbar se jitressaq il-Qorti dalgħodu

Ir-raġel ta’ 42 sena li allegatament qatel lil Charlotte Zammit ta’ 44 sena f’Ħaż-Żabbar nhar is-Sibt li għadda meta sparala tiri ta’ arma tan-nar se jkun qiegħed jitressaq il-qorti dalgħodu.

Il-Pulizija fi stqarrija qalu li s-suspettat ewlieni fil-femiċidju se jkun qiegħed jitressaq quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia għall-ħabta tal-10.30am.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport