Thursday, April 18, 2024

Boris Johnson bil-pompi magħluqin

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Matul il-ġimgħa li għaddiet, l-aħbarijiet internazzjonali kienu ddominati bil-kriżi li ħakmet lir- Renju Unit rigward in-nuqqas ta’ fjuwil fil-pompi tal-petrol. Minkejja li kien hemm ħafna ġurnalisti li bdew iqabblu lil din il-kriżi ma’ kriżi oħra tal-fjuwil li kienet seħħet fis-snin sebgħin, ir-raġunijiet warajha huma kompletament differenti minn ta’  dik li seħħet kważi ħamsin sena ilu. 

Kollox beda fit-23 ta’ Settembru li għadda meta l- BP, l-akbar kumpanja fir-Renju Unit li tissupplixxi l-fjuwil, ħabbret li se tagħlaq xi pompi minn tagħha ġewwa l-Ingilterra b’mod temporanju. 

Nuqqas ta’ riżorsi umani

Filwaqt li wara l-kriżi tas-sebgħinijiet kien hemm embargo mill-OPEC, li allura kien wassal għal nuqqasijiet ta’ stocks ġewwa l-impjanti tal-ħażna tal-fjuwils madwar id-dinja, r-raġuni ewlenija tal-kriżi ta’ bħalissa hija n-nuqqas ta’ xufiera sabiex jieħdu l-fjuwil mill-impjanti tal- ħażna għall-pompi tal-petrol madwar il-pajjiż kollu. 

Tant jeżisti nuqqas ta’ xufiera tat-trakkijiet madwar ir-Renju Unit kollu, li diġa bdiet tinħass il- problema f’setturi oħra li jiddependu minnhom sabiex joperaw. Filfatt, diġa beda ħafna tgergir mis-sidien tar-restoranti li qegħdin jgħidu li ma humiex qegħdin jirċievu l-provvisti fil-ħin, kif ukoll mis-sidien tas-super markets li diġa qegħdin ikollhom numru ta’ xkafef minn tagħhom vojta. Naturalment, fil-każ tax-xuffiera tal-bowsers tal-fjuwil, in-nuqqas huwa ferm aktar akut minħabba li dawn iridu jkollhom ħafna aktar taħriġ speċjalizzat minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

X’wassal għal dan in-nuqqas?

Skont studju li sar minn aġenzija li tirrappreżenta persentaġġ kbir mit-tmint  elef pompa tal- petrol li hemm madwar il-pajjiż, fil-preżent hemm nuqqas ta’ kważi mitt elf xufier tal- bowsers tal- fjuwil. 

Hemm diversi raġunijiet għalfejn l-Ingilterra u l-pajjiżi l-oħra li jiffurmaw ir-Renju Unit waqgħu lura sabiex jipprovdu lil dawn il-ħaddiema tant essenzjali għall-ekonomija tagħhom. L-ewwel raġuni hija li l-problema ta’ nuqqas ta’ dawn ix-xuffiera speċjalizzati hija waħda komuni madwar l-Ewropa u għalhekk hemm domanda kbira għalihom. Però, ġewwa r-Renju Unit din ħarġet aktar fil-beraħ minħabba li ħafna xufiera Ewropej telqu mill-impjieg li kellhom ma’ kumpaniji Ingliżi eżatt wara l-Brexit. Dan ġara minħabba li żdiedu r-restrizzjonalijiet fuq il-fruntiera ta’ bejn ir- Renju Unit u l-Unjoni Ewropeja, restrizzjonijiet li kienu sejrin iwasslu għal nuqqas fid-dħul ta’ dawn ix- xufiera.

Raġuni oħra wara n-nuqqas ta’ xufiera ġejja mill-Covid19. Minħabba l-pandemija, t-taħriġ speċjalizzat li jeħtieġu dawn ix-xufiera beda jieħu aktar fit-tul u kien hemm żmien fejn ġie sospiż minħabba l-lockdowns. Dan wassal għal  aktar dewmien fil-ħruġ ta’ liċenzji għas- sewwieqa ġodda.

In-numru ta’ xufiera ħa daqqa oħra l-isfel mill-fatt li kien hemm persentaġġ kbir ta’ xufiera li kienu avvanzati fl-età u ħafna minnhom ħarġu bil-pensjoni f’daqqa. Dan juri nuqqas ta’ moniteraġġ mill-istituzzjoni li suppost tieħu ħsieb l-impjiegi sabiex dawn jiġu mibdula mingħajr l-ebda xokkijiet.

Fattur ieħor li wassal għal dan in-nuqqas kienu l-pagi pjuttost baxxi li għandhom. Tant huma baxxi il-pagi tagħhom li ħafna kumpanji li jipprovdu s-servizz ta’ ġarr tal-fjuwil mill-impjanti tal-ħażna għal ġewwa l-pompi kellhom jgħollu l-pagi tax-xufiera li fadlilhom b’madwar 25%. Milli jidher din iż-żieda xorta ma kinitx ta’ inkoraġġiment sabiex ikun hemm min jitħajjar jieħu din il-karriera. 

Boris Johnson iwaħħal fl-immigranti

Skont Boris Johnson, il-Prim Ministru Ingliż, it-tort ta’ din il- kriżi huwa tal-politika ta’ qabel Brexit li kienet tinkoraġġixxi l-immigrazzjoni. Skont Johnson, din il-politika waslet sabiex ħafna xufiera kienu barranin li ħafna minnhom irritornaw lura lejn pajjiżhom minħabba l- pandemija. Dejjem skont il-Prim Ministru Ingliż, meta kienu jaħdmu bħala xufiera, dawn l- immigranti waslu sabiex il-pagi jinżammu baxxi u dan wassal għal nuqqas ta’ nies lesti li jitħarrrġu għal dan l-impjieg li sabhiex inkunu qegħdin ngħidu kollox huwa wieħed pjuttost perikoluż u ta’ responsabbilità kbira minħabba l-perikli ovvji li jġibu magħhom il-fjuwils kif ukoll minħabba l-investimenti li jkollhom f’ idejhom dawn ix-xufiera. 

Ta’ min jgħid li bowser modern  li għandu l-miżuri ta’ sigurtà kollha jiswa’ aktar minn mitejn elf euro u jkollu ħafna spejjeż ta’ manutensjoni.

Il-miżuri li ħa l-gvern Ingliż

Biex iżid in-numru ta’ xufiera, l-gvern Ingliz organizza taħriġ ta’ malajr għal numru ta’ suldati sabiex dawn jibdew iqassmu l-fjuwil lejn il-pompi. Filfatt, jingħad li din il-miżura żiedet in- numru ta’ xuffiera b’ madwar mitejn minn nhar it-Tnejn li għaddew. 

Barra minnhekk, il-gvern Ingliż ħareġ talba fuq is-suq internazzjonali tal-impjiegi sabiex jidħlu madwar 5000 xufier barrani jaħdmu ġewwa r-Renju Unit. Biex jgħaġġel il-proċess, il-gvern ħareġ madwar tlett mitt visas għal xufiera barranin b’mod immedjat.  Però, milli jidher ma tantx kien hemm interess għal din it- talba. Filfatt sa nhar it-Tnejn li għaddew, kull ma kienu daħlu kienu madwar 125-il applikazzjoni minn xufiera barranin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja.

Miżura oħra li ħa l-gvern biex jimmitiga din l-emerġenza kienet dik li ssospenda l- kompetizzjoni fis-settur tal-bejgh tal-fjuwils. Dan il-pass sar bl-intenzjoni li l-pompi jkunu jistgħu jixtru mingħand kumpaniji varji sabiex iżommu l-ħażna tagħhom dejjem tajba.

Milli jidher, dawn il-miżuri qegħdin iħallu l-frott tagħhom għalkemm il-problema għadha mhix solvuta. Filfatt, sa nofs il-ġimgħa l-oħra, bl-eċċezzjoni ta’ Londra u żoni oħra fix-xlokk tal-pajjiż, madwar 92% tal-pompi kellhom ħażna ta’ fjuwil, għalkemm xi wħud imponew limitu ta’ kemm kull klient jista’ jieħu.

F’Londra u fix-xlokk tal-Ingilterra, il-problema għadha waħda akuta, bi kważi 30% tal-pompi għadhom b’ħażniet baxxi ħafna. Naturalment, dan huwa riflessjoni tad-domanda akbar li għandhom dawn il-pompi u n-numru iżgħar ta’ pompi meta kkomparat mal-popolazzjoni.

Sadanittant, ħafna ħaddiema li jaħdmu f’setturi li huma kkunsidrati bħala essenzjali qegħdin jitolbu li jingħataw ċertu prijorità meta jmorru jimlew il-karozzi tagħhom. Hemm ukoll ħafna ekonomisti li qegħdin jibżgħu li l-kriżi sejra taffetwa ħażin l-ekonomija tal-pajjiż, issa li qieghħed jipprova jirkupra mill-pandemija. Dan l-effett ħażin jista’ jkun amplifikat bil-kbir jekk il-kriżi taffetwa żmien il-Milied li fuqu ħafna negozjanti kienu qegħdin jitfgħu it-tamiet tagħhom li jirkupraw mit-telf li sofrew minħabba l-pandemija.

Ekonomija

Sport