Il-klijenti tal-Bank of Valletta issa jistgħu jikkomunikaw ma’ Bovey, l-Assistent Virtwali tal-Bank, bil-Malti wkoll. Din il-faċilità ġdida tippermetti lill-klijenti jiksbu l-għajnuna li għandhom bżonn fil-lingwa li jħossuhom l-aktar komdi biha, f’kull ħin tal-ġurnata. Fl-istess ħin, iżżid element lokali u familjari, waqt li tkompli ttejjeb l-esperjenza bankarja billi tagħmilha aktar sempliċi, veloċi u faċli biex wieħed jużaha.
Il-klijenti jistgħu jirrikorru għal Bovey għal firxa wiesgħa ta’ servizzi bankarji kemm jekk jixtiequ jagħmlu appuntament jew jiksbu aktar informazzjoni dwar prodott jew servizz offruti mill-Bank. Jista’ wkoll jassistihom f’każijiet relatati ma’ lmenti, joffrilhom gwida dwar frodi u scams, notifiki tal-ivvjaġġar, kif ukoll f’diffikultajiet tekniċi. L-assistent virtwali Bovey qed jagħmilha aktar faċli għall-klijenti biex jiksbu l-informazzjoni li għandhom bżonn mingħajr il-ħtieġa li joqogħdu jaqilbu minn pjattaforma għall-oħra. Dan hekk kif iwieġeb dwar għadd ta’ servizzi f’konverżazzjoni waħda.
Matul l-2025, Bovey wieġeb għal aktar minn 40,400 mistoqsija mingħand il-klijenti. Bejn Jannar u Awwissu 2026, l-assistent virtwali diġà għen f’madwar 25,000 mistoqsija oħra, permezz tas-servizz tiegħu bil-Malti u bl-Ingliż.
Daniel Caruana, Lead taċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, spjega, “L-introduzzjoni tal-lingwa Maltija tagħti lill-klijenti tagħna għażla usa meta jikkomunikaw mal-assistent virtwali tagħna Bovey. Illum jistgħu jfittxu informazzjoni u jiksbu l-għajnuna li jeħtieġu fil-lingwa li jħossuhom aktar komdi li jużaw fil-ħajja ta’ kuljum. Dan huwa pass ieħor fl-impenn tagħna biex is-servizzi diġitali tal-Bank ikunu aktar aċċessibbli, inklussivi u qrib il-klijenti, filwaqt li nkomplu noffru l-livell ta’ servizz li huma mdorrijin jistennew mill-BOV.”
Disponibbli 24 siegħa kuljum fuq is-sit tal-BOV u BOV Facebook Messenger, Bovey ilu joffri assistenza lill-klijenti sa mill-2023. Is-servizz huwa maħsub biex iwieġeb f’ħin qasir għal mistoqsijiet u talbiet sempliċi, filwaqt li l-appoġġ minn rappreżentant jibqa’ dejjem faċilment aċċessibbli meta jkun meħtieġ. Meta każ jirrikjedi aktar assistenza personali, Bovey jgħaddi lill-klijent direttament ma’ membru tat-tim taċ-Ċentru tas-Servizz għall-Klijenti, biex il-konversazzjoni tkompli bla xkiel minn assistenza diġitali għal appoġġ personali.
Bejn Jannar u Awwissu 2026, il-ħin medju biex klijent jiġi mqabbad ma’ rappreżentant kien ta’ 36 sekonda, meta mqabbel ma’ 53 sekonda matul l-istess perjodu fl-2025.
Minbarra mezzi tradizzjonali, il-klijenti jistgħu wkoll jikkuntattjaw liċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent permezz tal-email fuq [email protected] jew billi jużaw is-servizz ta’ chat online disponibbli fuq is-sit tal-Bank, https://www.bov.com/personal?id=email . Dawn l-għażliet joffru aktar flessibbiltà, sabiex kull klijent ikun jista’ jagħżel il-mod ta’ komunikazzjoni li l-aktar jaqbel mal-ħtiġijiet tiegħu.

